Il-Proġett "Gżejjer"
Proġett ta' Kitba Kreattiva


Kitbiet dwar "Gżejjer" u l-lejla tal-31 ta' Lulju, 2001

Dawk l-awturi li jixtiequ jieħdu sehem f'”rappreżentazzjoni letterarja” bit-tema "Gżejjer" li se ssir nhar it-Tlieta, 31 ta' Lulju, fid-8.45pm fl-Università, għandhom jibagħtu poeżija jew storja (qasira) bil-Malti lil Inizjamed fl-indirizz inizjamed@maltaforum.org sa nhar il-Ħamis li ġej, 7 ta' Ġunju.

It-tema "gżejjer" tista' tinftiehem kemm fis-sens letterali tagħha kif ukoll fis-sensi metaforiċi tagħha. Il-mistieden ewlieni fir-rappreżentazzjoni ta' din is-sena se jkun l-awtur ewlieni Skoċċiż Kevin MacNeil li se jinġieb Malta minn Inizjamed bil-kollaborazzjoni tal-British Council.

3.6.01

Il-Workshops ma’ Kevin MacNeil

Fil-Ġimgħa li se jdum Malta bejn is-26 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu, 2001, l-awtur ewlieni Skoċċiż Kevin MacNeil se jagħmel sensiela ta’ ħames workshops ta’ kitba kreattiva ta’ bejn sagħtejn u sagħtejn u nofs il-waħda. Fihom se jieħdu sehem mhux aktar minn ħmistax-il persuna li jridu jkunu minn 16-il sena ‘l fuq. L-idea ta’ Kevin hi li dawn ikunu sessjonijiet prattiċi li fihom dawk preżenti jkollhom l-opportunità li jiddiskutu l-kitbiet tagħhom mieghu.

Il-ħlas għall-ħames workshops kollha huwa Lm8. Il-workshops se jsiru kif ġej: Il-Ġimgħa (27.7.01); Is-Sibt (28.7.01), Il-Ħadd (29.7.01) u t-Tnejn (30.7.01) mid-9.30am sa nofsinhar. Is-Sibt (28.7.01) jew it-Tnejn ikun hemm workshop ieħor fis-6.00pm.

Biex tibbukkja post fil-workshops ikteb issa lil inizjamed@maltaforum.org

Fil-workshops se jkunu preżenti wkoll il-ħames artisti li se jippreżentaw ix-xogħlijiet letterarji waqt il-lejla bl-isem ta’ “Gżejjer” li se ssir bħala parti mill-festival Evenings on Campus fid-8.45pm, nhar it-Tlieta, 31 ta’ Lulju, 2001, fid-daħla ewlenija ta’ l-Università (Gateway Building). Dawn huma: l-atturi Ray Calleja u Marcelle Teuma; is-sassofonista Joseph Vella; il-perkussjonista Renzo Spiteri u l-kantanta Nadine Axisa.  

3.6.01

L-Identità u l-Globalizzazzjoni Kulturali

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Lulju, fit-8.00pm, Kevin MacNeil se jkun il-kelliem ewlieni waqt laqgħa pubblika dwar “L-identità u l-Globalizzazzjoni Kulturali”. MacNeil se jagħmel taħdita qasira li fiha se jitkellem dwar dan is-suġġett u jistieden lill-pubbliku preżenti biex jieħu sehem f’dibattitu pubbliku.

Il-koordinatur ta’ Inizjamed, Adrian Grima, se jagħmel preżentazzjoni qasira dwar l-awturi Maltin u l-impenn kulturali. Se jkun hemm kopji stampati ta’ din it-taħdita tiegħu bil-Malti għall-bejgħ. Matul din il-laqgħa pubblika, Kevin MacNeil se jippreżenta video ta’ intervista / dokumentarju mxandar mill-BBC li kien involut fih u li jittratta dan is-suġġett.

Din l-attività se tittella’ minn Inizjamed flimkien mal-British Council.

3.6.01

Lura lejn l-Ewwel Paġna