"Pajjiżi huwa Soffokanti"
Intervista ta’ Norbert Bugeja ma’ Immanuel Mifsud

Għaliex tikteb?

Kont naħseb li nikteb għax bdejt inħossni responsabbli li nagħmel hekk. Illum naħseb li nikteb għax għandi xi ħaġa xi ngħid fuq is-soċjetà ta’ madwari li nħoss li kemm kittieba oħrajn u kemm akkademiċi li suppost xogħolhom huwa li janalizzaw is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha qegħdin jabdikaw minn dan ix-xogħol. Hemm ukoll element ta’ egoċentriżmu li jimmotivani nikteb. La nħoss li nkun għidt kollox, nieqaf.

 

X'iġiegħlek tuża ħafna l-endekasillabu fil-poeżiji tiegħek?

Bdejt nuża l-endekasillabu b’eżerċizzju ta’ dixxiplina fuqi nnifsi. Bdejt inħoss li l-poeżija Maltija, taħt l-iskuża li l-vers liberu huwa l-vers awtentiku li wieħed ‘jaħseb bih’, bdiet issir dilettanteska, xi ħaġa li kapaċi jagħmel u jikteb  kulħadd. Allura jum fost l-oħrajn iddeċidejt li niddixplina lili nnifsi. Forsi huwa snobbiżmu dan, nammetti u ma jiddispjaċinix. Illum il-ġurnata din id-dixxiplina tant daħlet fija li nista’ ngħidlek li rari nagħmel korrezzjonijiet meta nikteb poeżija: moħħi sar jaħseb awtomatikament bl-endekasillabu. Ġieli naqbad lili nnifsi nitkellem bih ukoll.

 

Tħoss li int aktar kittieb ta' poeżija jew ta'narrativa? Għaliex? 

Kieku staqsejtni din il-mistoqsija ftit taż-żmien ilu, kont ninfixel u x’aktarx kont noqgħod indur mal-lewża nara nsibx tweġiba jien u nwieġbek. Illum il-ġurnata nħoss li t-tweġiba hija waħda sempliċi: jien (naħseb li jien) kittieb. Irrelevanti l-forma u l-ġeneru. Illum dawn il-kompartimentalizzazzjonijiet saru kważi bla ebda siwi u sens.

 

Għandek għal qalbek it-teatru - saħansitra fit-tnedija ta' l-aħħar ktieb li ħriġt użajt dan il-medju. Forsi tħoss li t-teatru hu aktar aċċessibbli mill-poeżija? U x'relazzjoni tħoss li hemm bejn dawn iż-żewġ forom t'espressjoni f'ħajtek?

Ix-xogħol fit-teatru jeħodli ħafna ħin u enerġija. Nista’ ngħid li jeħodli ħafna aktar milli teħodli l-kitba. Il-kitba hija sforz solitarju, avolja għidt kemm-il darba li kull silta li ktibt ktibtha “ma’ ħaddieħor” fis-sens li l-kitbiet tiegħi huma frott ta’ numri ta’ inkontri li kelli ma’ nies u sitwazzjonijiet varji. Ix-xogħol fit-teatru, mill-banda l-oħra, huwa kollox minbarra solitarju: trid tagħmlu ma’ ħaddieħor u tagħmlu direttament għal ħaddieħor. Huwa xogħol kollaborattiv li jitfgħek spalla ma’ spalla, spirtu ma’ spirtu, ma’ nies oħrajn: ma’ l-atturi li jaħdmu miegħek u fil-każ tiegħi ma’ atturi u teatranti oħra li jaħdmu fl-istess post fejn naħdem jien. Il-grupp li naħdem miegħu jien jaħdem f’kollaborazzjoni viċina ħafna ma’ grupp ieħor. Teatru Marta Kwitt – il-grupp li issa ili naħdem fi ħdanu ħames snin – u l-Gruppi għall-Inkontri ta’ l-Uman ftaħna studio ta’ riċerka teatrali fin-Naxxar: esperjenza teatrali ġdida f’Malta, li tlaqqa’ żewġ sorsi ta’ riċerka f’kollaborazzjoni diretta u interessanti. It-teatru mhuwiex aktar jew inqas aċċessibbli mill-poeżija. Ma naħsibx.

 

Il-baħar, ir-riħ, id-denfil, il-kwiekeb, il-beraħ. Donnok f'kitbietek il-ħin kollu tfittex spazji ta' ħelsien. Għaliex?

Għaliex inħoss li pajjiżi huwa soffokanti. Mhux daqstant l-ispazju fiżiku daqskemm is-sitwazzjoni li rrendewh fiha l-politikanti u l-mexxejja l-oħra tagħna, għalkemm ovvjament l-ispazju għandu effett kbir ukoll, m’għandniex xi ngħidu. Malli bdejt insir konxju ta’ dawn ir-restrizzjonijiet qabadni estru kbir li nimraħ. Inħoss ħtieġa kbira ta’ beraħ fiżiku imma aktar minn hekk beraħ spiritwali li hawnhekk ma jagħtikx. Konsegwentament hemm il-ħtieġa kontinwa tal-ħarba, tal-ġirja ‘l barra. Jien għandi relazzjoni stramba u skomda ħafna ma’ Malta. U t-tort ta’ dan kollu hu d-dramm ikrah ta’ l-istorja ta’ dan il-pajjiż, speċjalment dak li ġara fl-adoloxxenza u ż-żgħożija tiegħi. L-istituzzjonijiet li bejniethom jiffurmaw il-poter f’Malta ġegħluni nisħet is-siegħa u l-mument li spiċċajt hawn minn tant irkejjen li hawn fid-dinja.

 

X'ifisser iż-żingaru għalik?

Libertà, deċentraliżmu, periferija li teħilsek mill-ktajjen li l-istituzzjonijiet, essenzjalment, jorbtu madwarek. Jien kelli esperjenzi ta’ xhur għajxien ma’ komunitajiet żingari fin-nofsinhar ta’ l-Italja. Bħala r-razza Sinti ta’ dan il-poplu vast Romani, dawn kienu komunitajiet sedentarji li tilfu ħafna mill-identita’ Rom oriġinali tagħhom, għalkemm żammew oħrajn. Jekk ma kellhom xejn mir-Rom oriġinali kellhom is-sens ta’ libertà jiddi f’għajnejhom.

 

Il-ktieb ta' poeżiji Fid-Dar ta' Clara jħaddan 11-il sena ta' poeżija, filwaqt li Il-Ktieb tar-Riħ u l-Fjuri sentejn biss. Kif tispjegaha din il-qabża?

Naħseb li hija kwistjoni ta’ enerġija u forsi ftit maturità wkoll. Ma nafx eżatt. L-enerġija kreattiva ta’ bniedem hija xiħaġa stramba u li tisboq kull ħjiel ta’ kwantifikazzjoni u spjegazzjoni loġika.

 

Il-qoxra tal-Ktieb tar-Riħ u l-Fjuri ddisinjajtha int stess. L-attività tiegħek fit-tpinġija tmur lilhinn minn din il-qoxra?

Interessanti... qatt ħadd ma staqsieni fuq hekk. Għandi ħafna dispjaċiri f’ħajti. Tnejn minnhom huma li miniex pittur u li  miniex kompożitur. L-arti plastika u dik mużikali minn dejjem affaxxinawni...ħafna u ħafna iktar mil-letteratura. Sfortunatament l-enerġija kreattiva tiegħi ma mxietx f’dawn iż-żewġ direzzjonijiet. It-tpinġijiet tiegħi huma esperjenzi rari li jiġu bħal sajjetta sabiħa fost il-bnazzi. Il-qoxriet tal-kotba tiegħi, bħala regola, nagħmilhom jien. Tpinġijiet oħra nagħmilhom u nagħtihom lill-ħbieb ta’ ġewwa ħafna u għalhekk huma mxerrdin fi djar ‘l hemm u ‘l hawn. Iżda miniex pittur. Nixtieq!

 

Fil-lejla letterarja “Gżejjer” li saret fl-Evenings on Campus ta' din is-sena ppreżentajt xogħol differenti minn tas-soltu... X'tikkummenta fuq dan l-iżvilupp, u kif tħares lejh fid-dawl tal-ġabriet bikrin tiegħek (eż. Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija, eċċ).

Huwa proċess ta’ maturità, dixxiplina u ta’ investigazzjoni f’oqsma letterarji kontemporanji barranin. Għalkemm xi wħud ħassew li x-xogħol tiegħi pubblikat fi Gżejjer - Letteratura mill-Periferiji (il-pubblikazzjoni li ħarġet fl-okkażjoni tal-lejla li semmejt) huwa differenti mill-kitbiet ta’ qabel, naħseb li d-differenza mhijiex daqshekk kbira. Hija mixja din li ma tafx eżatt fejn se twasslek.

 

Kif taħseb li se jkun il-futur ta' l-espressjoni letterarja f'pajjiżna?

Qiegħed nissuspetta li l-futur se jkun wieħed eċitanti ħafna. Minn dak li naqra fil-kitbiet ta’ sħabi u minn dak li jiġi ppreżentat kull sena fil-lejla letterarja ta’ Evenings on Campus, li saret avveniment mistenni u segwit minn ħafna, jidhirli li l-ħin sar biex titwieled ġenerazzjoni ta’ kittieba ġodda li l-letteratura lokali ilha ħafna teħtieġ. Anzi jekk tridni nkun preċiż ma nħossx li għandi nitkellem fuq il-futur iżda fuq preżent: din il-ġenerazzjoni twieldet u qiegħda taħdem bis-serjetà. U hawn, jekk ma jimpurtax, nixtieq pubblikament infaħħar ix-xogħol bla heda ta’ ħabib antik u kollega tiegħi Adrian Grima li minbarra l-kreattività tiegħu, huwa massa ta’ enerġija li qiegħda timbotta ‘l quddiem din il-ġenerazzjoni. Naħseb kull ġenerazzjoni kellha mutur li ħaddimha u fil-każ ta’ din il-ġenerazzjoni l-ġdida l-mutur huwa Adrian Grima u sħabu tal-grupp Inizjamed.

 

Ippubblikata f’Il-Gens Illum fl-10 ta’ Novembru, 2001

 


Ara l-artiklu "Dans les entrailles de Malte" ta' Immanuel li deher fil-Courrier International f'Settembru 2003.

 

Il-website ta' Immanuel Mifsud tinsab f'dan l-indirizz: http://www.immanuelmifsud.com 


Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page

1