Il-Lingwa
tal-Mużika Intervista ma’ Jamil Limam |
||
Jamil Limam għamel ħames snin jistudja l-mużika
fil-Konservatorju ta’ Sousse fit-Tuneżija minn fejn kiseb diploma
fil-mużika. Wara kiseb diploma fid-daqq tas-synthesizer
mill-Università ta’ Tuneż. Idoqq ukoll il-perkussjoni. Intgħażel
kemm-il darba biex idoqq f’orkestri ta’ ħamsa u sebgħin ruħ
waqt festivals li jsiru fis-sajf madwar it-Tuneżija kollha. Għamel
tliet snin idoqq ma’ l-orkestra tar-radju ta’ Monastir. Għal ħafna snin daqq mużika Għarbija u
Ewropea quddiem udjenzi barranin. “Il-mużika tfisser ħafna għalija;
inqisha bħala l-akbar ħabib tiegħi. Meta nkun imdejjaq jew
ferħan infittixha ħafna; għal min verament iħobbha
l-mużika qisha droga.” Kultant, però, meta jdoqq sempliċiment
biex jaqla’ l-flus iħoss li r-relazzjoni tiegħu mal-mużika
tbati; dan jiġri l-aktar meta jdoqq fil-lukandi jew fit-tiġijiet
fejn in-nies ma tiġix biex tisma’ l-mużika imma biex
tintefa’ mal-bar jew tiltaqa’ mal-ħbieb. L-isbaħ mumenti
huma meta jdoqq quddiem udjenzi li jkunu qegħdin hemm biex jisimgħuh;
“f’dawk il-mumenti tħoss li tista’ tibni relazzjoni permezz
tal-mużika”. Barra minn hekk, Jamil jippreferi jdoqq ma’ ħaddieħor
milli waħdu għax “meta ddoqq ma’ ħaddieħor
tista’ tikkomunika, tista’ titkellem”. “Fil-kultura tagħna l-mużika hija
importanti ħafna għax biha tista’ tfisser il-ferħ,
in-niket, l-emozzjonijiet tiegħek. Ċerta mużika
temozzjonak, speċjalment meta jkun hemm rabta sħiħa bejn
il-kliem u l-mużika.” Il-qari tal-poeżija bil-mużika
fl-isfond huwa xi ħaġa pjuttost komuni fit-Tuneżija.
Normalment il-mużiċist jimprovizza billi jitnebbaħ
mill-kliem li jkun qiegħed jinqara. F’okkażjonijiet bħal
dawn dejjem ikun hemm strument wieħed: il-flawt, jew il-vjolin, jew
il-kitarra, jew inkella l-għud, strument Għarbi antik li qisu
sitar Indjan. Fl-Afrika ta’ Fuq teżisti tradizzjoni ta’ kanzunetta ta’ protesta, l-aktar fit-Tuneżija u fil-Marokk. Normalment din hija kanzunetta li ma tindaqqx fil-pubbliku iżda tgħaddi minn id għal oħra mingħajr wisq daqq ta’ trombi. Il-kanzunetti ta’ protesta normalment jittrattaw suġġetti bħad-drittijiet tal-bnedmin, id-drittijiet tal-ħaddiema, id-droga, u l-amministrazzjoni pubblika. Ħafna mill-kantanti Marokkini li jiktbu dan it-tip ta’ kanzunetti ma jgħixux fil-Marokk. Fl-Afrika ta’ Fuq mhuwiex dejjem faċli tgħid dak li trid mingħajr ma xxellef difrejk ma’ min għandu s-setgħa. Kanzunetti bħal dawn iqawwu l-qalb għax min jismagħhom iħoss li mhuwiex waħdu u li hemm min iħoss bħalu. Adrian
Grima Marzu,
1999 |
||
|