F’Kull Belt Hemm Kantuniera

 

Ara wkoll: It-Tagћrif Kollu

 


 

Jieħdu Sehem:

 

Toni Attard (attur)

Caroline Calleja (pjanu)

Claire Massa (mezzo sopran)

Godfrey Mifsud (klarinett, klarinett baxx)

Sarah Spiteri (vjolin, vjola)

Marcelle Teuma (attriċi)

 


 

 

Toni Attard qed jistudja l-komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta u qed jikteb teżi dwar "The fusion of  theatre and audiovisual media in live performance." Wara li telaq mill-iskola tad-drama u ħa sehem f’produzzjonijiet differenti, intebaħ li xtaq iktar mit-teatru milli li sempliċiment jirreċta ma’ nies differenti fis-sitt ġimgħat li tittella’ produzzjoni. Sab dak li kien qiegħed ifittex fil-grupp Aleateia fejn hemm grupp ta’ nies li verament iħobbu t-teatru u lesti jagħmlu minn kollox għalih. F’Ġunju li ġej, Toni Attard u Aleateia se jirrappreżentaw lil Malta fil-qasam tat-teatru fil-Bjennali ta’ l-Artisti Żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran li se ssir f’Ateni. Is-sehem ta’ l-artisti Maltin huwa kkoordinat minn Inizjamed. 

Caroline Calleja, rebbieħa ta’ bosta kompetizzjonijiet lokali, bdiet tistudja l-pjanu ta’ erba’ snin ma’ Monica Anastasi, u l-arpa ta’ ħdax-il sena ma’ Donata Mattei. Kompliet l-istudji tagħha f’bosta istituzzjonijiet barra minn Malta bħad-Darlington International Summer School ġo l-Ingilterra, l-Accademia Musicale Chigiana ġo l-Italja, u l-Konservatorju Statali ta’ Moska ġewwa r-Russja. Fl-1998, kompliet l-istudji mużikali tagħha fil-Conservatoire Nationale de Region de Lyon ġewwa Franza taħt it-tmexxija ta’ Herve Billaut fil-pjanu u Christophe Truant fl-arpa, minn fejn hija kisbet il-Medaille d’Or fil-pjanu u d-Diplome de fin d’Etudes fl-arpa.

 

Fl-2002 Caroline ggradwat B.A.(Hons.) fl-Istudji Mużikali mill-Università ta’ Malta b’First Class, u bħalissa qed tistudja għal-lawrja ta’ Masters fil-Mużika, li fiha qed speċjalizza fil-pjanu ma’ Michael Laus. F’Novembru 2000 iddebuttat bħala solista ma’ l-Orkestra Nazzjonali fit-Teatru Manoel meta daqqet il-Kunċert tal-Pjanu Nru.15 K.450 ta’ Mozart u f’Settembru ta’ l-2002 daqqet bħala solista ma’ l-istess orkestra f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Hija daqqet f’diversi swali u teatri f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Caroline Calleja ilha tgħallem l-arpa l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss, il-Belt għal dawn l-aħħar erba’ snin, u hija l-arpista prinċipali ta’ l-Orkestra Nazzjonali.

 

Claire Massa ggradwat mill-Università ta’ Malta b’B.A. (Bl-Unuri) fl-Istudji Mużikali u PGCE fit-tagħlim tal-mużika. Ħadet sehem f’masterclasses fil-vuċi u attendiet korsijiet fl-edukazzjoni tal-mużika fir-Renju Unit, l-Italja, l-Ungerija, u l-Isvizzera, u studjat ma’ Eva Andor u Giovanna Canetti, u ma’ Juliette Bisazza. Massa tkanta regolarment f’kunċerti vokali. Ir-repertorju tagħha jinkludi l-“Messiah” ta’ Handel, l-opri ta’ Mozart u Rossini, ir-romantiċi u l-impressjonisti Franċiżi u x-xogħol iktar impenjattiv tas-seklu 20. Dan l-aħħar kantat fuq żewġ CDs: War Requiem tal-Prof. Charles Camilleri u Stabat Mater ta’ G. Abos taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.

 

Godfrey Mifsud (1978) studja l-klarinett ma’ Ronnie Debattista u jieħu lezzjonijiet ta’ konsultazzjoni mingħand il-professur u l-virtuoso Ingliż, David Campbell. Fl-1999 daqq fil-kungress dinji tal-klarinett f’Ostend, il-Belġju, u ħa sehem f’reġistrazzjoni ta’ xogħol għall-klarinett ta’ Charles Camilleri. Fis-sena 2000 u fl-2001, daqq fil-festival ta’ l-arti f’Aberystwyth f’Wales. F’Awwissu tas-sena 2001 daqq xogħlijiet għall-klarinett u “wind band” ta’ Cahuzac ġewwa Linz u Oftering, l-Awstrija. Godfrey ilu jdoqq regolarment ma’ “chamber ensembles” bħal Etnika u ISSA sa mill-1995. Issa ilu tliet snin membru attiv tal-Kwartett Valette għall-klarinett u ma’ dawn il-mużiċisti daqq kemm Malta kif ukoll barra.

 

Sarah Spiteri bdiet l-istudji mużikali tagħha f’Malta u fl-1990 rebħet il-kompetizzjoni mużikali ta’ Bice Mizzi Vassallo imbagħad kompliet l-istudji tagħha f’Lyon, Franza. Attendiet numru ta’ korsijiet fl-Akkademja Chigana ta’ Siena fejn ħadmet l-aktar fuq it-teknika fil-vjolin ma’ Boris Belkin u fil-mużika elettronika ma’ Giorgio Nottoli u Riccardo Santoboni. Fl-1991, flimkien mal-Kwartett tal-korda Borealis, tat sensiela ta’ kunċerti f’Milan imtellgħa mill-Associazione Musicale Milanese. Mal-Borealis irrekordjat żewġ CDs b’xogħlijiet ta’ Charles Camilleri, Nicolò Isuard u P. P. Bugeja. Fis-sena 2000 Spiteri waqqfet il-Jubal Ensemble u fl-2002 iffurmat it-Trio Solaris ma’ Godfrey Mifsud u Eric Azzopardi (pjanu), trio li daqq f’Malta u fit-Tuneżija. Wara li ggradwat bl-Unuri fl-Istudji Teatrali mill-Universita ta’ Malta, Spiteri qed tħejji għat-tieni lawrija tagħha billi tispeċjalizza fil-fenomenu ta’ l-improvizzazzjoni fil-mużika u t-teatru, b’referenza partikulari għax-xogħlijiet ta’ John Cage u l-“Living Theatre”.

 

Marcelle Teuma ilha involuta fit-Teatru għal dawn l-aħħar 18-il sena. Għandha diploma fir-reċtar mill-MTADA u ċertifikat mill-Webber Douglas Academy of Dramatic Art (London, 1990). Iggradwat fl-Istudji Teatrali u l-Filosofija u kisbet Ċertifikat biex tgħallem (primarjament it-Teatru) mill-Università ta' Malta. Ħadet sehem bħala attriċi f’għadd ta' produzzjonijiet teatrali miktubin minn drammaturgi bħal Dario Fo, Lorca, Michael Frayn, Max Frisch, Strindberg, Pinter, Pirandello, u Francis Ebejer. Fil-bidu tas-snin 90, flimkien ma’ oħrajn waqqfet grupp ta’ teatru sperimentali li ħadem testi oriġinali bil-Malti li ġew ippreżentati fil-Festival Bjennali Mediterranju tat-Teatru Sperimentali fl-1990 u fl-1993. Tgħallem id-drama fl-Iskejjel Statali u fiċ-Ċentru tad-Drama Mikelanġ Borg. Hija membru tal-grupp li jikkoordina l-attivitajiet ta' Inizjamed u tirrappreżenta lil Inizjamed fl-Għaqda Internazzjonali li tmexxi l-Bjennali ta’ l-Artisti Żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran.

 


 

 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the First Page