Ir-Riżorsi ta' l-Alġerija

Bil-ħila tan-nies tagħha u bir-riżorsi minerali li għandha, l-aktar iż-żejt u l-gass naturali, l-Alġerija tista’ tkun wieħed mill-iktar pajjiżi sinjuri tal-Mediterran. Madwar 55% tal-popolazzjoni Alġerina ta’ aktar minn 29 miljun ruħ hija magħmula minn żgħażagħ ta’ taħt l-20 sena; 75% huma taħt it-tletin. Iżda minn dawk it-tfal li jattendu l-iskola primarja 3.3% biss jidħlu l-Università. 58% taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena huma qiegħda.

L-ewwel abitanti ta’ l-Alġerija kienu l-Berberi, u għaldaqstant anki llum il-kultura Berbera, bil-lingwa u d-drawwiet tagħha, hi meqjusa bħala l-kultura indiġena, u ħafna awturi Alġerini jagħżlu li jiktbu bil-lingwa Berbera.

Fl-Alġerija l-Berberi huma madwar 25% tal-popolazzjoni. Il-grupp ewlieni tal-Berberi jgħix fil-Kabylia fit-tramuntana tal-pajjiż. Minkejja l-influwenza tal-kultura għarbija, il-Berberi rnexxielhom iżommu l-identità kulturali tagħhom, fost l-oħrajn permezz tat-twaqqif tal-Moviment Kulturali Berberu fis-Sebgħinijiet. Dan il-moviment qiegħed jaħdem biex il-lingwa Berbera, it-Tamazight, tingħata l-għarfien bħala lingwa nazzjonali u uffiċjali u tiddaħħal fl-iskejjel.

Il-kantant popolari Matoub Lounes, membru tal-MKB, inħataf mill-GIA u nżamm għal ġimgħa f’Settembru ta’ l-1994. Fis-26 ta’ ġunju, 1998, inqatel f’roadblock hu u sejjer lura d-dar. Kellu 42 sena. Matoub li kien esponent magħruf tal-mużika rai kien ikanta dwar temi soċjali. Kemm-il darba kkritika liż-żewġ naħat fil-kunflitt Alġerin.

Il-Kunflitt

 Bejn l-1834 u l-1962 l-Alġerija kienet maħkuma minn Franza. Minkejja l-benefiċċji soċjali u l-iżvilupp ekonomiku li seħħ f’dan il-perijodu, l-Alġerini kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna restrizzjonijiet. Fil-ġlieda għall-Indipendenza ta’ bejn l-1954 u l-1962, Franċiżi mietu mal-100,000 u Alġerini mal-miljun ruħ. Barra minn hekk, fil-gwerra għall-Indipendenza maż-żewġ miljun ruħ saru refuġjati.

Uħud isostnu li l-inkwiet kbir li għaddejja minnu l-Alġerija bħalissa huwa riżultat tal-problemi politiċi li l-Indipendenza baqgħet ma solvietx u tal-problemi ekonomiċi li tfaċċaw minħabba amministrazzjoni ħażina. Meta l-Gvern Alġerin ikkanċella l-elezzjonijiet ħielsa li kellhom isiru f’Jannar ta’ l-1992 u li wisq probabbli kienu se jintrebħu mill-Front Islamiku tas-Salvazzjoni, bdiet tista’ tgħid gwerra ċivili bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni. F’din is-sitwazzjoni, qed ibatu l-aktar dawk li jemmnu fil-liberta’ ta’ l-espressjoni u dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom. Bejn l-1992 u l-1997 inqatlu mal-50,000 ruħ. Ħafna oħrajn ħarbu mill-Alġerija u marru jfittxu kenn f’pajjiżi oħra, fosthom Malta.

F’Diċembru ta’ l-1991 il-Front Islamiku tas-Salvazzjoni rebaħ 189 siġġu minn total ta’ 430 fl-ewwel parti ta’ l-elezzjonijiet nazzjonali li fihom ħarġu jivvutaw ftit iktar minn nofs il-votanti. Hemm min jgħid li din ir-rebħa ma kinitx tirrifletti konvinzjoni reliġjuża qawwija imma x-xewqa tal-poplu li l-Front jiżviluppa u jimmodernizza l-pajjiż u, l-ewwel u qabel kollox, joffri mexxejja politiċi moralment integri. Bejn li l-gvern tal-ġurnata ma riedx jaċċetta l-idea ta’ gvern immexxi mill-FIS u bejn li kien hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet demokratiċi, għaqdiet favur id-drittijiet tal-bnedmin u għaqdiet tan-nisa li talbu l-intervent tal-gvern, l-armata għamlet pressjoni biex il-President Chadli Benjedid jirriżenja u floku ħatret kumitat ta’ tmexxija ta’ ħamsa min-nies, illum immexxi minn Liamine Zeroual.

 Ħafna jsostnu li din l-interruzzjoni tal-proċess demokratiku wasslet għar-“radikalizzazzjoni” ta’ l-Islam u daħħlet lill-Alġerija f’kunflitt imdemmi. Fl-1994, ngħidu aħna, il-Grupp Islamiku Armat ordna li l-iskejjel għolja u l-universitajiet kollha jingħalqu. L-iskejjel sfidaw din l-ordni u bejn il-bidu tas-sajf u Ottubru ta’ dik is-sena nħarqu mas-sitt mitt skola u nqatlu ħafna edukaturi.

L-għaqdiet tad-drittijiet tal-bnedmin jgħidu li l-iktar nies li huma l-mira ta’ l-Islamisti radikali huma l-membri tal-forzi tas-sigurtà u l-familji tagħhom, il-ġurnalisti u ħaddiema oħra fil-media, il-ħaddiema tal-gvern, il-barranin, in-nisa, l-avukati, l-intellettwali, l-artisti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bnedmin u l-għalliema.

 Għadd ta’ sorsi, fosthom rapporti ta’ Impact International, L'Express International, Index on Censorship u Middle East Report ta’ l-1995, isostnu li Franza, li tibża’ li mewġa kbira ta’ refuġjati Alġerini tiġi tħabbat fuq il-bibien tagħha, hi għal kollox kontra gvern Islamista fl-Alġerija u tagħti armi u appoġġ lill-armata Alġerina fil-ġlieda tagħha kontra l-gruppi Islamisti. Jingħad li Franza appoġġjat il-kolp ta’ stat tal-11 ta’ Jannar ta’ l-1992.  

Il-Futur

 Arun Kapil mill-Institut Maghreb-Europe ta’ l-Università ta’ Pariġi jsostni li “l-futur ta’ l-Alġerija huwa Islamista”; għażla hi bejn Islamiżmu moderat u Islamiżmu estremista. Skond l-Index on Censorship, meta l-FIS kien partit politiku legali, il-biċċa l-kbira ta’ l-Islamisti wrew li kienu lesti joperaw fi ħdan il-qafas tal-kostituzzjoni pluralista. Jiġri x’jiġri, l-osservaturi jaqblu li jekk l-attitudni lejn l-Islamiżmu tibqa’ waħda ta’ konfrontazzjoni ħarxa se jibqa’ jinxtered ħafna demm.

 Fit-taħditiet li saru f’Ruma f’Novembru ta’ l-1994 u f’Jannar ta’ l-1995 bl-inizjattiva tal-Komunità ta’ Sant’Eġidju, tmien partiti ta’ l-oppożizzjoni ffirmaw ftehim, jew proposta ta’ paċi, li jikkundanna l-vjolenza kontra ċ-ċivili u jitlob għal waqfien mill-ġlied, għat-tneħħija ta’ l-istat ta’ emerġenza, għal-legalizzazzjoni tal-FIS u għall-ħelsien tal-membri tagħhom li jinsabu l-ħabs. Il-ftehim jagħti wkoll idea tal-passi li jridu jittieħdu biex ikun hemm djalogu nazzjonali, elezzjonijiet demokratiċi u r-rispett tal-jeddijiet ċivili.

Il-futur veru ta’ l-Alġerija, bħal dejjem, jinsab fid-djalogu.

  


L-Algerija (Maps.com)

 

Ara l-artiklu dwar l-attivita 

Isefra - l-istejjer ta' poplu

 

 

Back to English Page

Lura lejn l-Ewwel Paġna

Adrian Grima

Marzu 1999

Dan l-artiklu kien deher fil-ktejjeb Isefra - l-istejjer ta' poplu (Inizjamed - KKU - Marzu , 1999)