Intervista ma' Simone Inguanez

Sergio Grech

(Il-Mument, 19 ta' Awwissu, 2001)


Ftit hawn kittieba nisa. Għaliex taħseb?

Ma naħsibx wisq fuq hekk. Fis-sewwa hi r-ruħ tax-xogħol li tiġbidni, mhux il-wiċċ ta’ warajh. Ukoll, għax l-aħna-intom-huma naħrabha; la sseddaq il-qagħda, la tfehemha, jidhirli. Naqra u nikteb bil-għatx ta’ ruħ toħlom li tmiss ruħ oħra. U r-ruħ mhix mara, mhix raġel. U intant tgħaqqad suriet ta’ mara ma’ dawk ta’ raġel, anima/animus, kemm f’mara, kemm f’raġel.

F’arti, kull ruħ hija ġuf, fih poeta. Kull ruħ tagħżel hi l-mod tagħha kif teħles.  Kif tagħżel mod u mhux ieħor, storja iebsa ta’ jista’ jkun, fejn jista’ jkun kollox, aktarx.

F'kitbietek hemm il-ġlieda bejn is-sessi? Fis-sens hemm ribeljoni kontra l-maskiliżmu letterarju? 

Dak li hemm f’ruħi hemm f’dak li nikteb, triq dritta lejha. U dak illi jiġi, jew imissha jew le; m’hemmx wisq ġlied ta' dik ix-xorta.  La tintilef, la togħxa fuq ismijiet, uċuħ u kunċetti. F’arti, il-ħsieb ħobż għall-moħħ, mhux tant għar-ruħ.

Hemm ħafna forom ta’ rabja, imma mhux ġlied. Ma jidhirlix. Hemm ħafna  passjoni: eros/tanatos, imħabba-ħajja/rabja-tkissir-mewt. U, iva, ħafna drabi l-oġġett hu raġel/ir-raġel.

Tqis kitbietek bħala femminista jew iktar bħala leħen femminili?

Meta nikteb, ma nqisx. Meta nikteb, inħoss. Ma naħsibx wisq. Naħseb mill-inqas. F’arti, wisq ħsieb jitlef ir-ruħ. Hawn, il-poeżija ħsus u ħsejjes. Miniex profeta, miniex politika.  Il-femminiżmu politika.

Iżda r-ruħ ta’ mara/tifla qiegħda hemm ħafna. Ħafna mill-ħin u b’ħafna qawwa. Għal ftit ma ngħidlekx: il-ħin kollu u bil-qawwa kollha. Ruħ ħajja, qajla iċċedi, qajla tistaħba. Ma tafx kantunieri. Qalila.  Taħlita anima/animus. Suriet ta’ mara, li jersqu, jitħalltu u jitwaħħdu ma’ dawk ta’ raġel. Ma jafux bidu u tmiem, jgħajbu ġo wiċċha lill-kontradizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-kitba, bħala neċessità?

Ma niddeskrivihiex. Ma nistħajjilx li xi ħadd jista’ f’ponn jaħfen “il-kitba”, jew għandu. F’arti, “il-kitba” ma teżistix. Jeżistu kitbiet. Jeżistu xejriet. Ruħ għaliha għandha, kull kitba.

Jekk tistaqsi għax nikteb: ma niktibx ma nistax.  Hemm xi ħaġa tinġema’, kultant theżżiżni. Xi ħaġa tbaqbaq, li ma tehdiex. Hemm bomba ttektek, f’xi ħin tisplodi. Hemm ilma jfawwar, jitqawwa sa jifqa’ l-ilqugħ.

Kemm hi personali l-kitba tiegħek u kemm tinvolvi aspett pubbliku?

Il-kitba tiegħi hi tiegħi ħafna. Madankollu, jekk hemm ħaġa tgħaqqad kitbieti, hi t-tkomplija ta’ vjaġġ fil-passi ta’ ruħi, weġgħati, il-ħolm tiegħi. Ninqata’ miż-żmien u r-raġun ordinat. Ma nitlaqx bħal profeta.  Bħal eremit naħrab.

Biss, ma nagħlaqx. Inħalli wisa', nuqqas ta’ rbit. Hemm, jimraħ u jimla l-qarrej. Nitgħallem li nqajjem l-artist ta’ ġo fih. Il-qarrej joħloq.  Biċċa minn kull poeżija hi tiegħu, hi biċċa minnu. Hemm, l-art li tiltaqa’ l-poeżija ta’ fih ma’ dik ta’ quddiemu, jiltaqa’ hu miegħu nnifsu, bħal f’mera. Hekk jista’ jħossha, hekk jista jħobbha l-poeżija, wara li jkun bena fuqha dak li jgħodd sew għalih, li jfissirlu.  

Ara l-poeżija "Kastellan" ta' Simone Inguanez