il-kummerċ ġust: ħtieġa globali u prijorità ekonomika

WorldFest

Programm Dettaljat - Petizzjoni dwar il-Kummerċ

Festi fl-irħula tal-Bangladexx, logħob tal-futbol fil-Ġappun, u korijiet fl-Olanda: fil-ħames kontinenti differenti, fl-4 ta' Mejju, ħaddiema u nies oħra involuti fil-Kummerċ Ġust se jiċċelebraw l-ewwel Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust.

Permezz tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali tal-proġett Med2000 (fi ħdan il-Grupp għat-Tielet Dinja) u l-Koperattiva Kummerċ Ġust, u bi sħab mal-Fondazzjoni ta’ St Michael għall-Edukazzjoni, Inizjamed u Ritmi, Malta qed tieħu sehem fl-ewwel Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust li se jkun iċċelebrat fl-4 ta' Mejju, 2002. L-attività f’Malta se jkun jisimha WorldFest. WorldFest se tkun xhieda tal-prodotti ta' kwalità u tar-riżultati li qed jinkisbu mill-bdiewa u n-nies tas-sengħa fil-pajjiżi l-fqar tan-nofsinhar tad-dinja. Iżda se tkun ukoll attività li turi lill-konsumaturi kif jistgħu jagħmlu differenza b'dak li jonfqu, u lil kumpaniji oħra kif jistgħu jagħtu sehemhom fl-iżvilupp sostenibbli permezz tal-Kummerċ Ġust.

 

Is-Sibt, 4 ta' Mejju, int u familtek mistiedna tiġu fil-grounds ta’ l-Iskola ta’ St Michael għall, Pembroke, biex tqattgħu ġurnata f'ambjent nadif u rilassanti li se jkun mimli 'attivitajiet f'ġieħ il-Kummerċ Ġust. Attivitajiet sportivi, Car Wash organizzat mis-St Michael Foundation Scouts, muzika etnika live, u Rokna għat-Tpartit fejn kotba u oġġetti oħra li ma tridux aktar jistgħu jintużaw mill-ġdid… dawn huma ftit mill-attivitajiet li se jseħħu matul dan il-jum.

Madankollu se ssibu anke taħditiet pubbliċi dwar l-Edukazzjoni għal Ċittadinaza Globali u l-Kummerċ Ġust għall-għalliema ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji, u seminars pubbliċi minn Clementina Carbone, il-Kap tal-Liċeo Vincenzo de' Paoli f'Reggio Calabria. L-iskola għazlet li ma tibqax tbigħ prodotti ta' l-ikel tal-kumapniji kbar. Minflok waqqfet koperattiva immexxija mill-istudenti stess. Din il-koperattiva tbigħ biss prodotti ġusti.

Stefano Magnoni u Anna Bucca

 

Se jkun hemm forum pubbliku bis-sehem ta’ Stefano Magnoni, li huwa membru fundatur u l-koordinatur ta' Chico Mendes - l-akbar koperattiva tal-kummerċ ġust fl-Italja. Magnoni ħa sehem f'numru ta' proġetti ta' kummerċ ġust fin-nofsinhar tad-dinja u għandu ukoll esperjenza vasta fl-organizzazzjoni ta' korsijiet fuq is-suġġett. 

F’din it-taħdita, se tieħu sehem ukoll Anna Bucca, li hi l-President tal-ARCI Catania, li se titkellem dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-ħolqien ta’ dinja aktar ġusta u sehem il-Kummerċ Ġust f'ekonomija globalizzata. 

Kemm Magnoni kif ukoll Bucca pparteċipaw fl-ewwel Forum Soċjali Dinji li sar f'Porto Alegre, il-Brażil, aktar kmieni dis-sena. Anna Bucca u Otello Urso, membru ieħor ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva ARCI, jinsabu Malta biex jassistu lil Inizjamed fil-proġett “Ri-Kreazzjoni”, speċjalment fejn jidħol is-sehem taż-żgħażagħ fi proġetti soċjali. Il-proġett “Ri-Kreazzjoni” huwa mmexxi minn Clare Azzopardi u Karsten Xuereb ta’ Inizjamed, bl-appoġġ tal-Programm “Żgħażagħ” ta’ l-Unjoni Ewropea u l-kumpless ta’ Bay Street f’Paceville.

[Fir-ritratt jidhru wħud minn dawk li qed jaħdmu fuq il-proġett “Ri-Kreazzjoni”, mix-xellug: Karsten Xuereb, Otello Urso, Anna Bucca, Clare Azzopardi (koordinatriċi tal-proġett), Adrian Grima u Vince Caruana]

 

L-Arka u Ritmi

Matul il-ġurnata kollha, L-Arka, ta’ 306, Triq San Pawl, il-Belt Valletta (Tel. 2124 4865), l-uniku ħanut tal-kummerċ ġust f’Malta, se jsalpa 'l barra mill-Belt u jankra fost il-bosta tined tal-Kummerċ Ġust li se jkun hemm fil-grounds ta’ l-Iskola ta’ St. Michael. Dawn it-tined se jkunu mimlija ikel, artiġjanat u ħwejjeġ oħra maħduma f'pajjizi varji fl-Afrika, l-Asja, fl-Amerika Ċentrali u fl-Amerika t’Isfel u mibjugħa skond il-kriterji tal-Kummerċ Ġust.

L-attività WorldFest se tiġi fi tmiemha bid-daqq tal-djembe, it-tanbur tipiku ta’ l-Afrika tal-Punent, mill-grupp ta’ Renzo Spiteri mill-proġett “Ritmi”. F’Marzu li għadda, Renzo Spiteri u l-perkussjonist Senegaliż Moussé Ndiaye kienu l-protagonisti tat-tliet serati ta’ “Ritmi – The Concert” li saru fit-teatru ta’ l-MITP, il-Belt Valletta. Il-djembes li pprovdiet L-Arka għal dawn il-workshops huwa prodotti ġusti maħdumin f'komunitajiet fil-Ghana.

Carol Wills u Vince Caruana

 

Skond Carol Wills, Direttriċi Eżekuttiva ta’ l-IFAT (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ Alternattiv), "Il-moviment tal-Kummerċ Ġust ma jistax jaċċetta l-livell ta' faqar li jezisti fid-dinja llum. Nemmnu li nistgħu nbiddlu d-dinja. Bix-xiri ta' prodotti tal-kummerċ ġust il-konsumaturi jistgħu jgħinu biex dil-bidla sseħħ, bidla li ttejjeb l-għajxien tal-ħaddiema li sfaw marġinalizzati minħabba l-globalizzazzjoni. Il-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust fl-4 ta' Mejju huwa opportunità mill-aqwa biex nies mid-dinja kollha juru l-impenn tagħhom lejn dinja aktar ġusta."

Skond Vince Caruana, membru fil-Grupp għat-Tielet Dinja u koordinatur tal-WorldFest, "Ir-regoli dinjija tal-kummerċ m'humiex favur il-foqra u l-ambjent. Il-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust juri li hemm triq oħra li tagħmel il-ġid lill-foqra u lid-dinja kollha. WorldFest se tagħti opportunità tajba lill-konsumaturi Maltin biex jagħmlu att ta' ġustizzja filwaqt li jieħdu gost u jmorru lura d-dar b'biċċa xogħol unika jew bott kafe' organiku."


[Fir-ritratt jidhru membri tal-kumitat organizzattiv tal-WorldFest. Mix-xellug: Karsten Xuereb, Inizjamed; Nathalie Grima, KKG; Marie Therese Galea, KKG; Lana Turner, KKG; Roderick Agius, GTD]

 

Għal aktar informazzjoni ibagħtu email lil med2000@maltaforum.org jew l-arka@maltaforum.org jew ċemplu L-Arka fuq 2124 4865.

Karsten Xuereb

April, 2002

Inizjamed


 

Għall-Ewwel Paġna | Back to the English Page

 

1