Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Il-Millennju Jistenna lill-Maltin | Lejla ta’ mużika u letteratura impenjata

Il-Millennju Jistenna lill-Maltin | Lejla ta’ mużika u letteratura impenjata

kitba ta’ Adrian Grima.

Nhar it-Tlieta, 27 ta’ Lulju 1999, fi Pjazzetta Dun Karm (ħdejn il-BOV) ta l-Università ta’ Malta, se tittella’ lejla ta’ mużika u letteratura impenjata bl-isem ta’ Il-Millennju Jistenna lill-Maltin. Il-lejla, li tibda fid-8.45pm, qed tittella’ mill-Koperattiva Kulturali Universitarja u minn Inizjamed bħala parti mill-festival annwali ta’ l-Evenings on Campus.

Bħal fis-sentejn li għaddew, il-lejla se tkun imqassma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, se jiġu ppreżentati 15-il xogħol ta’ awturi li bil-mod il-mod qegħdin jistabbilixxu ruħhom fil-kamp tal-letteratura lokali, fosthom Bernard Micallef, Leslie Vassallo, Adrian Grima, Sergio Grech, Karl Schembri, Karen Vella, Bernard Cauchi u Kenneth Busuttil. Ix-xogħlijiet f’din il-parti huma mnebbħin minn riviżitazzjoni tat-tema nazzjonali lejlet il-pompa tal-millennju l-ġdid. Fit-tieni parti, l-awturi preżenti fl-udjenza jistgħu jaqraw xogħol minn tagħhom, li mhux bilfors ikun marbut mat-tema, lill-pubbliku, jew jitolbu lill-qarrejja jaqrawhulhom. Fil-pawża bejn iż-żewġ partijiet se jitqassmu ftit ħobż biż-żejt u nbid.

Il-qarrejja se jkunu Albert Gatt u Marcelle Theuma, żewġ atturi stabbiliti li għandhom ħafna esperjenza fil-qari tal-letteratura fil-pubbliku. Se jieħdu sehem ukoll il-kantanta Olivia Lewis u l-mużiċisti Marco Mifsud u Frankie Vella (bil-klarinett u l-kurunetta) li se jakkumpanjaw lill-awturi waqt il-qari tax-xogħlijiet.

L-awturi kollha huma mistiedna jġibu kopji tal-kotba tal-letteratura li ppubblikaw biex jinbigħu waqt il-lejla. Min jixtieq jibbukkja t-trasport għal wara, jew javża li se jġib il-kotba biex jinbigħu dakinhar, jew inkella jikkuntattja lill-organizzaturi jista’ jċempel fuq in-numru 3290 2236, jew jibgħat email lil inizjamed@geocities.com. Id-dħul huwa b’xejn.

Il-Millennju Jistenna lill-Maltin

Sa ċertu punt, il-millennju mhu xejn ħlief finzjoni tal-bnedmin, skuża biex isiru ħafna affarijiet li normalment ma jsirux, speċi ta’ brejk mir-rutina, bħall-għada ta’ elezzjoni ġenerali, jew meta tiġi r-Reġina. Iżda l-millennju nistgħu noħolquh aħna; nistgħu ninqdew bih biex nirriflettu fuq min aħna, fuq min irridu nkunu. Ir-riflessjoni fuq l-identità Maltija mgħandniex nifhmuha bħala skav arkeoloġiku; m’għandniex nimmaġinawha bħala poplu nieżel iqalleb qalb l-oqbra u l-iskeletri, imma bħala proċess dinamiku u kreattiv li  jwassalna biex nifhmu ftit aktar minn fejn ġejna u fejn nixtiequ mmorru. Ir-riflessjoni vera fuq l-identità tagħna bħala poplu trid tkun proċess maħsub; mhux sfurzat, imma maħsub. Din il-lejla ta’ mużika u letteratura impenjata hija parti minn dan il-proċess li, bħall-ekonomija Maltija, għadu ma rrankax.

Adrian Grima            


il-fuljett

Qarrejja: Albert Gatt, Marcelle Theuma | Muzicisti: Marco Mifsud (klarinett), Frankie Vella (kurunetta) | Produzzjoni: Koperattiva Kulturali Universitarja u Inizjamed | Disinn tal-poster: Aleks Farrugia | Koordinazzjoni: Kenneth Busuttil, Norbert Bugeja, Bernard Cauchi, Aleks Farrugia, Adrian Grima, u Karen Vella | Ħajr: Hazel Sultana, l-Uffiċċju għall-Iżvilupp tal-Kampus

Marcelle Theuma studjat ir-reċtar fl-MTADA u t-teatru, il-filosofija u l-edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. Fl-1990 kisbet ċertifikat mill-Webber Douglas Academy of Dramatic Art ta’ Londra wara workshop ta’ xahar. Fl-1990 u l-1992 ipparteċipat fil-festival ta’ l-Istitut Mediterranju għal gruppi teatrali kontemporanji, u fl-1992 ħadet sehem f’workshop ta’ ħmistax matul il-festival teatrali ta’ Avignon, fi Franza. Wara erba’ snin tgħallem fl-Iskola Primarja tal-Belt, fl-1998 bdiet tgħallem id-drama fl-Iskola Mikelanġ Borg tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.

Albert Gatt tharreg fil-qasam tat-teatru fil-Programm Teatrali tat-Taqsima tad-Drama u fl-Universita ta’ Malta. Ilu membru ta’ Teatru Marta Kwitt mill-1996, grupp li jahdem fil-kamp tat-teatru kontemporanju ta’ ricerka. Ma’ Teatru Marta Kwitt tella’ “Mistoqsijiet lill-Qamar” f’Novembru ta’ l-1997. Bhalissa qed jahdem fuq progett jismu “Ilma”, li mistenni jigi pprezentat wara Awwissu li gej.

Frankie Vella beda jdoqq il-kurunetta fl-1991. L-edukazzjoni muzikali tieghu hadha minghand il-Maestro Ewkarist Muscat. Idoqq f’diversi baned, izda huwa attiv l-aktar fil-Banda San Nikola kemm bhala muzicist kif ukoll bhala delegat tal-banda.

Marco Mifsud beda jdoqq ta’ disa’ snin. L-ewwel tahrig fil-muzika hadu minghand il-Maestro Nazzareno Mifsud; wara studja t-teorija ma’ Laurence Borg u l-prattika mal-muzicist maghruf Freddie Mizzi. Kiseb numru ta’ diplomi fit-teorija u fid-daqq tal-klarinett. Idoqq ma’ diversi baned, fosthom mal-banda tal-Forzi Armati. Bhalissa huwa l-Assistent Surmast tal-Banda San Bastjan ta’ Ħal Qormi.

Il-Koperattiva Kulturali Universitarja twaqqfet fl-1996 bil-għan li toffri u tippromwovi kultura ta’ kwalità f’Malta. Minbarra l-organizzazzjoni ta’ erba’ edizzjonijiet tal-festival Evenings on Campus, il-koperattiva tellgħet għadd ta’ rappreżentazzjonijiet u wirjiet ta’ l-arti viżiva ta’ studenti ta’ l-Università u l-Junior College u ta’ artisti Maltin u barranin. Fost il-proġetti teatrali kien hemm proġett mal-grupp S’Arza ta’ Sardenja u ma’ l-Ensemble di Vicenza u konferenza bl-isem ta’ Theamon – Ancient Theatre in the Mediterranean.

KKU – Ir-Razzett tal-Ħursun, L-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. 

Inizjamed (inizjattiva kulturali mediterranja) twaqqfet fl-1998 bil-għan li toħloq l-atmosfera u toffri l-mezzi biex l-artisti żgħażagħ jistħarrġu u jiżviluppaw l-isfond mediterranju tal-kultura ta’ Malta u joħolqu arti soċjalment u politikament impenjata. F’Marzu ta’ l-1999 tellgħet Isefra ~ l-istejjer ta’ popluInizjamed hija membru tal-Kumitat Internazzjonali tal-Bjennale Artistika għal Artisti żgħażagħ mill-Ewropa u l-Mediterran u f’Ġunju ta’ l-1999 ħadet sehem fid-IX edizzjoni ta’ din il-Bjennale li saret f’Ruma. Fix-xhur li ġejjin għandha tieħu sehem f’inizjattivi internazzjonali oħrajn.

inizjamed@geocities.com  http://arriveat.com/inizjamed  http://www.geocities.com/Paris/Maison/8644

arti impenjata  ~  kummerċ ġust

Għal darb’oħra, din il-lejla letterarja qed tippromwovi l-kummerċ ġust. L-Arka huwa l-uniku ħanut f’Malta li jbigħ prodotti ġusti, jiġifieri prodotti maħdumin fil-pajjiżi l-fqar li min ħadimhom ma ġiex sfruttat. F‘L-Arka ssibu artiġjanat mill-isbaħ, iżda ssibu wkoll kartolini, CDs ta’ mużika etnika u kotba dwar l-iżvilupp. L-Arka, li huwa mmexxi minn koperattiva soċjali ta’ voluntiera, jinsab 306, Triq San Pawl, Il-Belt Valletta. Tel. 244865

Il-kitbiet

  1. Minn Fomm il-Millennju – Karen Vella
  2. Kanzunetta għall-Ewropa –  Emmanuel Attard Cassar
  3. epitaffju lil Margaret – Owen Bonnici
  4. Addio Siġar – Patrick Sammut
  5. FriżaAridità u Art – John Buttigieg
  6. Ħanut – Leslie Vassallo
  7. Novella 2000 –  Aleks Farrugia
  8. Ġensi, Ħtijieti u Jien – Norbert Bugeja
  9. Poplu – Sergio Grech
  10. Observer Status -Kenneth Busuttil
  11. Ħallini Narak, Bla Poeżija – Bernard Cauchi
  12. B’Idejna – Adrian Grima
  13. Protesti – Karl Schembri
  14. Acquis Communautaire – Jonathan Phyall
  15. Il-Ħajt ta’ Malta (silta) – Bernard Micallef
Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.