Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Sejħa għal Proposti: Poetry on Film 2019

Sejħa għal Proposti: Poetry on Film 2019

Poetry on Film. Sejħa għal proposti għal film tal-poeżija biex jintwera waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta 2019.

Il-proġett tal-films tal-poeżija li Inizjamed nieda fl-2014, flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018, wassal biex s’issa nħadmu tmien films li minn naħa ġeddu l-poeżiji li nebbħuhom, u min-naħa l-oħra wassluhom s’għand udjenzi ġodda.

Issa li għaddiet is-sena 2018, Inizjamed xorta fi ħsiebha li tkompli dan il-proġett, u qed tfittex modi kif tbiddel in-natura tiegħu bil-għan li l-film tal-poeżija jsir ukoll strument ta’ djalogu mal-kulturi li jdawruna.

Minkejja li m’għadx hemm is-sostenn finanzjarju li kien jingħata qabel biex jinħadmu dawn il-films, Inizjamed xorta se talloka €3,000 biex anke din is-sena jinħadem film tal-poeżija biex jintwera waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2019.

Għalhekk Inizjamed qed tiftaħ din is-sejħa għal proposti u tistieden lil diretturi u produtturi tal-films, b’interess attiv fil-films qosra tal-poeżija b’mod ġenerali, u fil-poeżija Maltija moderna b’mod partikulari, biex jieħdu sehem.

Il-proposta għal film tista’ titressaq minn individwu jew minn tim. Jekk tkunu qegħdin tapplikaw bħala tim, il-proposta trid titressaq minn rappreżentant individwali, iżda l-applikazzjoni għandha tinkludi l-firem tal-membri kollha kkonfermati tat-tim sad-data tat-tressiq tal-proposta.

Kull applikant jista’ jissottometti proposta waħda biss.

Il-poeżiji għal din is-sena, miktuba minn Joe Friggieri, huma dawn:


NATURA MORTA

Minn ġol-buqar tal-ħġieġ
fuq pjanu miksi trab
fid-dawl għajjien li jidħol mill-persjani
quddiem ritratt antik tal-ġenituri
il-ward midbiel
kultant iwaqqa’ l-weraq.

ALLA MEJJET

Rajt ċorma tfal b’idejhom lejn is-sema
u rajt raġel għajjien jixxotta l-għaraq
u mara xiħa tgedwed litanija

il-bieraħ ġbidt il-korda
u qgħadt nistenna l-leħen
ġej lura jidwi ħdejja

imm’ issa t-tfal għajjew
u saru rġiel u żżewġu
u r-raġel xjieħ u nesa
u l-mara mietet

u llum il-ħoss tal-korda
jaħbat mal-ħajt u jieqaf
bħal qanpiena truxa

u Kristu għadu tiela’
jerfa’ salib ta’ xejn
u Sisifu jgerbeb ġebla …

META NIĠI BIEX NITLAQ

Meta niġi biex nitlaq għal dejjem
irrid li jkun bil-lejl
bl-iwrieżaq jgħannu qalb il-qamħ
u qamar sħiħ fiz-zkuk tal-awrikarja

u rrid xi ħadd jiftaħli t-tieqa beraħ
ħa noħroġ idi w naqta’ fjur ifuħ
u kewkba kbira

u int, Tereża,
xħin tisma’ r-riħ qed jingħi taħt il-bieb
u jdur qalb iċ-ċipress bħal ruħ għajjiena
itla’ bla ħoss u agħlaq il-purtiera.


Importanti li tara dan il-filmat ta’ Dr Immanuel Mifsud, fejn jiddiskuti l-poeżiji infushom, għalfejn ingħażlu, u jagħti spunti li tista’ tiżviluppa fil-proposta tiegħek.

Importanti wkoll li tniżżel u taqra l-linji gwida (ħolqa hawn taħt), li timla l-formola elettronika, u li tibgħat l-informazzjoni mitluba.

Ibgħat l-applikazzjoni sal-23:59 ta’ nhar il-Ħadd 23 ta’ Ġunju 2019.

Formola tal-Applikazzjoni

Għal aktar informazzjoni, ikteb lil film@inizjamed.org.

Segwina fuq Facebook: https://www.facebook.com/inizjamed.

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.