Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Ta’ Barra Ġewwa Magħna

Ta’ Barra Ġewwa Magħna

Illejla, l-Erbgħa 8 t’April 2020, fit-8.30pm*, erba’ kittieba Maltin li jgħixu barra se jingħaqdu magħna virtwalment biex jaqrawlna siltiet minn xogħlijiethom. Magħhom se jissieħeb ukoll xi ħadd ieħor…

Idħol fl-avveniment minn din il-ħolqa: https://meet.google.com/mur-tfxp-znq.

(*Se nibdew iktar tard minħabba l-konferenza stampa mħabbra għal-lejla.)

Ta' Barra Ġewwa Magħna

Idħol f’din il-ħolqa għal iktar dettalji: https://www.facebook.com/events/153589042634617/

Il-Kittieba

dsc 2795 1024x678 crop

Nadia Mifsud twieldet fl-1976. Trabbiet Bormla, kibret San Tumas, u ta’ 22, wara li ggradwat fil-Franċiż, marret tgħix Franza fejn kompliet tistudja l-letteratura.

Tgħallem, tittraduċi, u tikteb kemm il-poeżija u anke l-proża. Xogħlijietha inqalbu għal diversi lingwi, ġiet mistiedna għal għadd ta’ festivals fl-Ewropa, u anke fin-Nicaragua u l-India, u l-poeżiji u n-novelli tagħha dehru f’kull edizzjoni riċenti ta’ Leħen il-Malti.

Ritratt ta’ Virginia Monteforte.


Antoine Cassar. Photo by Sunshine Coast Writers Festival

Antoine Cassar (Londra, 1978) huwa poeta u traduttur. Erbgħin Jum (40 Days, EDE, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar trawmi tat-tfulija, id-dipressjoni u l-mixi bħala awtoterapija, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u tinsab fix-shortlist tal-European Poet of Freedom Award 2020. Passaport (2009), poeżija stampata f’forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 11-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’Malta, fi Franza u fil-Belġju. Fl-2009, il-kompożizzjoni multilingwi Merħba, a poem of hospitality ngħatat il-United Planet Writing Prize.

Bħala traduttur letterarju, Cassar qaleb ix-xogħol ta’ diversi awturi Maltin, bl-Ingliż (fost l-oħrajn in-novelli ta’ Pierre J. Mejlak, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura fl-2014) u bl-Ispanjol (Troyano, ta’ Alex Vella Gera, ġie ppubblikat minn Libros de mentira, iċ-Ċile, f’Mejju 2019).

Ritratt ta’ Sunshine Coast Writers Festival.


Mark Anthony Fenech Lorraine Piscopo

Mark Anthony Fenech twieled fl-1988. Għex minn tfulitu sa żgħożitu ż-Żejtun u Wied il-Għajn. Bħalissa jgħix il-Lussemburgu fejn beħsiebu jibqa’ għalkemm jixtieq jgħix l-Iskozja jew l-Iżlanda u anke Svalbard. Fost gostih hemm il-mużika metal, il-wiski Skoċċiż, il-birra, Warhammer 40,000, kif ukoll kotba u films ta’ fantażija u fantaxjenza. Ittraduċa r-rumanz ta’ Agatha Christie And Then There Were None għall-Malti bit-titlu U Ma Kien Fadal Ħadd. It-Tawmaturgu: il-Ħmura ta’ Filgħaxija huwa l-ewwel rumanz li ppubblika.

Ritratt ta’ Lorraine Piscopo.


Alex Vella Gera - Ray Attard

Alex Vella Gera rebaħ bosta premji prestiġjużi u kiteb, fost oħrajn, L-Antipodi, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi u Trojan.

Fl-2009 isem l-awtur deher fil-gazzetti lokali meta n-novella tiegħu Li Tkisser Sewwi dehret f’pubblikazzjoni studenteska Realtà. L-istorja hija rakkont tal-avventuri sesswali ta’ individwu irresponsabbli u bi ftit jew xejn rigward għan-nisa u d-dinjità tal-bniedem. L-istorja pproduċiet dibattitu pubbliku u każ tal-qorti li eventwalment wassal għal reviżjoni tal-liġijiet antiki taċ-ċensura f’Malta.

Apparti l-produzzjoni letterarja tiegħu bħala kittieb ta’ rumanzi, Alex Vella Gera esperimenta ukoll b’forom oħra ta’ espressjoni letterarja u artistika, fosthom il-fotografija, il-mużika (mal-grupp Hunters Palace) u films.

Kiteb flimkien mad-direttur Peter Sant l-iscreenplay tal-feature film indipendenti Malti Baħar Żmien.

Ritratt ta’ Ray Attard.


Mistery Guest

Kittieb/a Misterjuż/a. Tgħid min se tkun din il-persuna?

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.