Fil-bidu kont tikteb il-poeżiji. Kif waqaft u qlibt għall-proża u d-drammi?
Naħseb li l-poeżija kienet eqreb lejn il-kanzunetta u f’dak iż-żmien tal-adoloxxenza, il-kanzunetta kienet l-espressjoni tal-emozzjonijiet ġodda li ż-żagħżugħ jibda jiskopri ġewwa fih. Maż-żmien sibt li t-teatru wkoll huwa poeżija, imma bil-valur addizzjonali tal-ispazju kontestat bejn karattri differenti, li jistgħu jkunu faċċati tal-istess karattru. Imbagħad skoprejt li fir-rumanz il-poeżija u t-teatru jitwaħħdu, imma r-rumanz jiftaħ ukoll mergħat ġodda, l-aktar il-possibilta’ li l-awtur jittraxxendi l-issa, dan iż-żmien u dan l-ispazju, u fuq kollox, ir-rakkont u l-possibiltajiet infiniti tiegħu.
L-ewwel publikazzjoni tiegħek rumanz bl-Ingliż? Għaliex bl-Ingliż? Tħajjart taqilbu għall-Malti?
L-ewwel pubblikazzjoni tiegħi (1997) kienet ta’ dramm bil-Malti, Iħirsa fil-Mera. Fil-każ ta’ Grasshopper, kienet in-natura tar-rakkont li għażlet il-lingwa Ingliża fuq il-Malti. Naħseb li kull ġrajja għandha l-vuċi u l-lingwa tagħha: Grasshopper bil-Malti naqtgħu li jkun jinqara ħażin ferm.
Daniel Hart, karattru ewlieni fil-Grasshopper huwa membru tal-Brotherhood of Drinking Glasses, imdejjaq f’xogħlu fil-media, u jaspira li jsir rumanzier. Hawn xi influwenza personali f’dan il-karattru u f’dar-rumanz?
Żgur li f’kull kitba hemm frammetti mill-kittieb, kif kull ħlejqa b’xi mod tirrifletti l-ħallieq tagħha. Imma l-ħlejqa mhijiex min ħoloqha u hekk, il-karattru mhuwiex min kitbu. Grasshopper huwa dwar il-Peter Pan Generation u l-karattru ta’ Daniel Hart jirrifletti n-narrattiva tal-maskulinità fil-kuntest ta’ dik il-ġenerazzjoni.
Kritiku tal-ewwel rumanz tiegħek kiteb hekk: “Ultimately Farrugia’s main theme is masculinity, exposed in extremis, almost under laboratory conditions. The male stench is everywhere, but it comes at a price.The women in the novel are all oversexed objects of desire.” X’tikkummenta?
Allaħares li n-nisa fil-kuntest ta’ dak ir-rumanz kienu mwassla b’mod ieħor! Il-ktieb huwa miktub ‘in character’, mill-perspettiva esklussiva ta’ Daniel Hart. Kif jidhru n-nisa qegħdin dejjem jidhru mill-għajnejn li qed iħarsilhom bihom Daniel Hart – iva, nisa oġġett – nisa li forsi, minkejja l-femminiżmu li jippretendu li jħaddnu, iridu li Hart u rġiel bħalu jħarsu lejhom anke bħala oġġett. Ir-rumanz la qed hemm biex jgħallem, la biex jgħaddi ġudizzju u wisq anqas biex ikun politikament korrett. Ir-rumanz huwa deskrizzjoni ta’ ġrajja u ta’ karattru, dik in-natura tiegħu, mhuwiex trattat fil-morali.
Il-ġabra tan-novelli, Għall-Glorja tal-Patrija, u r-rumanz Camerata! huma differenti minn Grasshopper. Imma l-kitba tiegħek xorta mimlija satira u botti kritiċi. Għaliex?
Għax is-satira u l-botti jorbtu l-ġrajja miktuba mal-ħajja ta’ kuljum tal-qarrej. Għalija l-importanza li l-qarrej iħoss li mqar jekk il-ġrajja miktuba sseħħ fl-aktar ambjent estran għalih xorta waħda hija minsuġa mill-esperjenza li hu jista’ jirrelata magħha hija ħaġa fundamentali.
Għaliex tipprefereri lil Ernest Hemmingway elf mitt darba aktar minn James Joyce?
Għax għal Hemingway, bħalma għal Joyce, il-kelma hija kollox. Kull kelma, kull sentenza għandha r-raġuni għall-eżistenza tagħha fl-arkitettura aktar wiesgħa tat-test. Bil-maqlub ta’ Joyce, iżda, f’Hemingway il-ġrajja hija dejjem suprema. Anke meta jirrifletti, ir-riflessjoni qatt ma tirkeb fuq in-narrattiva tal-ġrajja li qed jirrakkonta. Hemingway huwa l-aktar awtur onest li qatt qrajt, qatt ma jippretendi li hu xi ħaġa aktar minn dak li hu. Dik tibqa’ tiġbidni lejh.
U ma nistgħux ninsew il-mużika fil-każ tiegħek Aleks. X’influwenza għandha l-mużika fuq il-kitba tiegħek?
Għalija rumanz mhuwiex differenti minn sinfonija; għandek struttura kbira, li titlaq minn tema u tibqa’ tiżviluppa hekk kif tgħaddi minn vuċijiet differenti, sakemm imbagħad tilħaq il-milja tagħha meta dawk il-vuċijiet isibu l-punt fejn jiltaqgħu biex isibu riżoluzzjoni – anke jekk ir-riżoluzzjoni tista’ tħalli tmiem miftuħ. Kultant inħoss li l-mużika tispirani ferm aktar mill-qari, u nħoss li fix-xogħol tiegħi spiss infittex l-espressjoni mużikali fuq dik letterarja.
Id-dramm riċenti tiegħek Ġiraffa Ħarbet minn Kastilja huwa dramm umoristiku-traġiku u satiriku. Taqbel? Huwa dramm moralistiku wkoll? Għaliex il-letteratura u l-politika?
Huwa dramm assurd, jiġfieri huwa dak kollu li għedt int u ebda. Bħal kull letteratura, mid-drammi ta’ Shakespeare u d-Divina Commedia ta’ Dante sar-rumanzi pornografiċi ta’ De Sade u d-dinjiet immaġinarji ta’ Tolkien, kull letteratura hija, mqar jekk ma tridx, essenzjalment politika. Hemm il-politika ċirkostanzjali, kultant partiġjana – Dante kien pront tefa’ lill-għedewwa tiegħu f’qiegħ l-infern, imqar jekk kienu għadhom ma mitux – u hemm il-politika universali, it-temi bħalma huma l-ġustizzja, l-etika, is-sewwa. Il-Ġiraffa nħoss li tesplora ż-żewġ faċċati tal-politika.
Barra minn Hemmingway, hemm xi kittieba oħra li jiffaxxinawk?
Olga Tokarczhuk, Isaac Bashevis Singer, Andrea Camilleri, Georges Simenon u Louis Ferdinand Celine naħseb li huma l-aktar awturi li nfittex ripetutament. Imbagħad jogħġbuni immens il-klassiċi Maltin: Ġużè Bonnici, Ġwann Mamo, Ġużè Ellul Mercer, Ġużè Galea u l-wisq sottovalutat Pawlu Xuereb. Il-kitba tagħhom kienet mirquma u minsuġa b’ħila.
Xi pjanijiet għall-futur?
Aktar tard din is-sena ħiereġ ir-rumanz politiku Ir-Re Borg. Sadanittant qed naħdem fuq sequel għal Camerata!, bir-ritorn tal-ispettur Salvu Camilleri, kif ukoll bdejt nikteb rumanz ieħor ambjentat fiż-Żminijiet tan-Nofs. Nittama wkoll li ma ndumx ma nerġa’ lura lejn it-teatru.
L-intervista saret minn John P. Portelli. Aleks Farrugia se jkun fuq il-palk fil-lejla tal-Ġimgħa, is-26 ta’ Awwissu.