Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Is-Satira u l-Botti Jorbtu l-Ġrajja Miktuba mal-Ħajja ta’ Kuljum – Aleks Farrugia

Is-Satira u l-Botti Jorbtu l-Ġrajja Miktuba mal-Ħajja ta’ Kuljum – Aleks Farrugia

Aleks photo 2

Fil-bidu kont tikteb il-poeżiji. Kif waqaft u qlibt għall-proża u d-drammi?

Naħseb li l-poeżija kienet eqreb lejn il-kanzunetta u f’dak iż-żmien tal-adoloxxenza, il-kanzunetta kienet l-espressjoni tal-emozzjonijiet ġodda li ż-żagħżugħ jibda jiskopri ġewwa fih. Maż-żmien sibt li t-teatru wkoll huwa poeżija, imma bil-valur addizzjonali tal-ispazju kontestat bejn karattri differenti, li jistgħu jkunu faċċati tal-istess karattru. Imbagħad skoprejt li fir-rumanz il-poeżija u t-teatru jitwaħħdu, imma r-rumanz jiftaħ ukoll mergħat ġodda, l-aktar il-possibilta’ li l-awtur jittraxxendi l-issa, dan iż-żmien u dan l-ispazju, u fuq kollox, ir-rakkont u l-possibiltajiet infiniti tiegħu. 

L-ewwel publikazzjoni tiegħek rumanz bl-Ingliż? Għaliex bl-Ingliż? Tħajjart taqilbu għall-Malti?

L-ewwel pubblikazzjoni tiegħi (1997) kienet ta’ dramm bil-Malti, Iħirsa fil-Mera. Fil-każ ta’ Grasshopper, kienet in-natura tar-rakkont li għażlet il-lingwa Ingliża fuq il-Malti. Naħseb li kull ġrajja għandha l-vuċi u l-lingwa tagħha: Grasshopper bil-Malti naqtgħu li jkun jinqara ħażin ferm. 

Daniel Hart, karattru ewlieni fil-Grasshopper huwa membru tal-Brotherhood of Drinking Glasses, imdejjaq f’xogħlu fil-media, u jaspira li jsir rumanzier. Hawn xi influwenza personali f’dan il-karattru u f’dar-rumanz?

Żgur li f’kull kitba hemm frammetti mill-kittieb, kif kull ħlejqa b’xi mod tirrifletti l-ħallieq tagħha. Imma l-ħlejqa mhijiex min ħoloqha u hekk, il-karattru mhuwiex min kitbu. Grasshopper huwa dwar il-Peter Pan Generation u l-karattru ta’ Daniel Hart jirrifletti n-narrattiva tal-maskulinità fil-kuntest ta’ dik il-ġenerazzjoni. 

Kritiku tal-ewwel rumanz tiegħek kiteb hekk: “Ultimately Farrugia’s main theme is masculinity, exposed in extremis, almost under laboratory conditions. The male stench is everywhere, but it comes at a price.The women in the novel are all oversexed objects of desire.” X’tikkummenta?

Allaħares li n-nisa fil-kuntest ta’ dak ir-rumanz kienu mwassla b’mod ieħor! Il-ktieb huwa miktub ‘in character’, mill-perspettiva esklussiva ta’ Daniel Hart. Kif jidhru n-nisa qegħdin dejjem jidhru mill-għajnejn li qed iħarsilhom bihom Daniel Hart – iva, nisa oġġett – nisa li forsi, minkejja l-femminiżmu li jippretendu li jħaddnu, iridu li Hart u rġiel bħalu jħarsu lejhom anke bħala oġġett. Ir-rumanz la qed hemm biex jgħallem, la biex jgħaddi ġudizzju u wisq anqas biex ikun politikament korrett. Ir-rumanz huwa deskrizzjoni ta’ ġrajja u ta’ karattru, dik in-natura tiegħu, mhuwiex trattat fil-morali.

Il-ġabra tan-novelli, Għall-Glorja tal-Patrija, u r-rumanz Camerata! huma differenti minn Grasshopper. Imma l-kitba tiegħek xorta mimlija satira u botti kritiċi. Għaliex?

Għax is-satira u l-botti jorbtu l-ġrajja miktuba mal-ħajja ta’ kuljum tal-qarrej. Għalija l-importanza li l-qarrej iħoss li mqar jekk il-ġrajja miktuba sseħħ fl-aktar ambjent estran għalih xorta waħda hija minsuġa mill-esperjenza li hu jista’ jirrelata magħha hija ħaġa fundamentali. 

Għaliex tipprefereri lil Ernest Hemmingway elf mitt darba aktar minn James Joyce?

Għax għal Hemingway, bħalma għal Joyce, il-kelma hija kollox. Kull kelma, kull sentenza għandha r-raġuni għall-eżistenza tagħha fl-arkitettura aktar wiesgħa tat-test. Bil-maqlub ta’ Joyce, iżda, f’Hemingway il-ġrajja hija dejjem suprema. Anke meta jirrifletti, ir-riflessjoni qatt ma tirkeb fuq in-narrattiva tal-ġrajja li qed jirrakkonta. Hemingway huwa l-aktar awtur onest li qatt qrajt, qatt ma jippretendi li hu xi ħaġa aktar minn dak li hu. Dik tibqa’ tiġbidni lejh. 

U ma nistgħux ninsew il-mużika fil-każ tiegħek Aleks. X’influwenza għandha l-mużika fuq il-kitba tiegħek?

Għalija rumanz mhuwiex differenti minn sinfonija; għandek struttura kbira, li titlaq minn tema u tibqa’ tiżviluppa hekk kif tgħaddi minn vuċijiet differenti, sakemm imbagħad tilħaq il-milja tagħha meta dawk il-vuċijiet isibu l-punt fejn jiltaqgħu biex isibu riżoluzzjoni – anke jekk ir-riżoluzzjoni tista’ tħalli tmiem miftuħ. Kultant inħoss li l-mużika tispirani ferm aktar mill-qari, u nħoss li fix-xogħol tiegħi spiss infittex l-espressjoni mużikali fuq dik letterarja. 

Id-dramm riċenti tiegħek Ġiraffa Ħarbet minn Kastilja huwa dramm umoristiku-traġiku u satiriku. Taqbel?  Huwa dramm moralistiku wkoll? Għaliex il-letteratura u l-politika?

Huwa dramm assurd, jiġfieri huwa dak kollu li għedt int u ebda. Bħal kull letteratura, mid-drammi ta’ Shakespeare u d-Divina Commedia ta’ Dante sar-rumanzi pornografiċi ta’ De Sade u d-dinjiet immaġinarji ta’ Tolkien, kull letteratura hija, mqar jekk ma tridx, essenzjalment politika. Hemm il-politika ċirkostanzjali, kultant partiġjana – Dante kien pront tefa’ lill-għedewwa tiegħu f’qiegħ l-infern, imqar jekk kienu għadhom ma mitux – u hemm il-politika universali, it-temi bħalma huma l-ġustizzja, l-etika, is-sewwa. Il-Ġiraffa nħoss li tesplora ż-żewġ faċċati tal-politika.  

Barra minn Hemmingway, hemm xi kittieba oħra li jiffaxxinawk?

Olga Tokarczhuk, Isaac Bashevis Singer, Andrea Camilleri, Georges Simenon u Louis Ferdinand Celine naħseb li huma l-aktar awturi li nfittex ripetutament. Imbagħad jogħġbuni immens il-klassiċi Maltin: Ġużè Bonnici, Ġwann Mamo, Ġużè Ellul Mercer, Ġużè Galea u l-wisq sottovalutat Pawlu Xuereb. Il-kitba tagħhom kienet mirquma u minsuġa b’ħila. 

Xi pjanijiet għall-futur?

Aktar tard din is-sena ħiereġ ir-rumanz politiku Ir-Re Borg. Sadanittant qed naħdem fuq sequel għal Camerata!, bir-ritorn tal-ispettur Salvu Camilleri, kif ukoll bdejt nikteb rumanz ieħor ambjentat fiż-Żminijiet tan-Nofs. Nittama wkoll li ma ndumx ma nerġa’ lura lejn it-teatru. 

L-intervista saret minn John P. Portelli. Aleks Farrugia se jkun fuq il-palk fil-lejla tal-Ġimgħa, is-26 ta’ Awwissu.

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.