Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Il-Qari Mhux Attività Solitarja – Antoinette Borg Intervistata Minn Noel Tanti

Il-Qari Mhux Attività Solitarja – Antoinette Borg Intervistata Minn Noel Tanti

antoinette borg 1

Dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura Maltija jafu min hi Antoinette Borg. Probabbilment jafu li kienet taħdem fil-qasam finanzjarju qabel ma fl-2015, ħalliet warajha karriera t’għoxrin sena biex twettaq ħolma ta’ tfulitha: li tikteb ktieb. U jafu dan minn intervisti li għamlet qabel u wara li ħareġ Fittixni, il-frott ta’ din il-ħolma. Fittixni rebaħ il-qlub ta’ ħafna qarrejja u mmarka l-bidu ta’ karriera ġdida għal Antoinette, dik ta’ kittieba.

Minkejja li Fittixni kien l-ewwel xogħol tagħha, il-vuċi t’Antoinette hija b’saħħitha, il-lingwa mirquma u l-kitba mexxejja. M’hemmx ħjiel ta’ dik l-immaturità narrattiva li hija assoċjata max-xogħlijiet bikrin t’awturi ġodda. Antoinette donnha ġiet kompluta u lesta, avolja hi ma taqbilx.

“Ma ngħidx li jien ‘kompluta u lesta’. Din id-deskrizzjoni għandha xeħta assoluta li fl-opinjoni tiegħi ma tintlaħaq qatt – nemmen li għad fadalli ħafna x’naqdef, u li qatt m’jien se nkun f’pożizzjoni li ma jkunx fadalli x’nitgħallem u xi ntejjeb.”

Dan il-kumment jispjega mhux ftit għalfejn Antoinette hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa kittieba bħalissa. Il-kitba hija proċess mhux destinazzjoni u forsi għalhekk inħasdet bir-reazzjoni tal-pubbliku lejn l-ewwel xogħol tagħha.

“Is-suċċess kbir li għamel Fittixni bellahni – qatt ma kont nobsor li se jintlaqa’ daqshekk tajjeb, u l-klixè li toqros lilek innifsek biex tara intix toħlom kien jgħaddili minn moħħi spiss (u għadu s’issa, xi kultant).”

Fittixni kien immirat lejn udjenza adolexxenti, bħalma kienu ż-żewġ rumanzi ta’ wara, (Ri)ġenerazzjoni u Amina. Fl-2019, Antoinette ħarġet Innuendo, ġabra ta’ novelli għall-adulti miktubin ma’ Anthony Portelli. It-tisħiba fuq dan il-proġett kienet esperjenza prezzjuża għaliha, kemm mil-lat personali kif ukoll dak professjonali.

“Innuendo kien esperiment kollaborattiv sabiħ li ma ninsieh qatt, u li tgħallimt ħafna minnu. Il-‘materja prima’ – il-karattri, l-ambjentazzjoni, l-idea oriġinali tal-istorja – ipprovdieha kollha kemm hi l-mibki, u bravu, Anthony Portelli. Però mbagħad Anthony tani l-libertà kollha biex ninterpreta l-istejjer u niktibhom mill-ġdid. Din il-libertà apprezzajtha immens, għax nifhem li mhi faċli xejn li awtur jafda xogħlu f’idejn ħaddieħor.”

Il-fiduċja u l-kollaborazzjoni huma essenzjali anki fejn għandha x’taqsam it-traduzzjoni. Is-sena l-oħra, Antoinette ħarġet Il-Forma tal-Ilma, traduzzjoni ta’ La Forma dell’Acqua, l-ewwel rumanz fis-sensiela popolarissima dwar l-Ispettur Montalbano tal-kittieb Sqalli Andrea Camilleri. Li taqleb xogħol minn lingwa għal oħra hija intrapriża li tirrikjedi sengħa, ħsieb u ammont sostanzjali ta’ sensittività lejn it-test oriġinali.

“Ix-xogħol tat-traduzzjoni narah bħala eżerċizzju kreattiv ta’ bbilanċjar, bħal meta timxi fuq ħabel stirat u trid togħod attent li la tmil wisq lejn naħa u lanqas lejn in-naħa l-oħra. Dan għaliex traduzzjoni tinvolvi responsabbiltà doppja lejn żewġ naħat opposti: minn naħa waħda trid tkun fidil/a kemm jista’ jkun lejn ix-xogħol oriġinali u l-intenzjonijiet tal-awtur kreatur, u min-naħa l-oħra trid toffri esperjenza ta’ qari pjaċevoli u effettiva lill-qarrejja prospettivi tat-traduzzjoni.”

Dis-sena Antoinette se tieħu sehem fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura. Il-Festival huwa avveniment importanti fil-kalendarju kulturali Malti għax jiġbor flimkien kittieba minn postijiet u kulturi differenti. Dan l-aspett jiġbed ħafna lil Antoinette.

“[Il-Festival] ilaqqa’ l-kittieba u l-qarrejja flimkien f’ċelebrazzjoni konkreta tal-maġija li l-bniedem ilu kapaċi joħloq sa minn meta beda jikkomunika permezz tal-kelma, il-kitba, l-istejjer, il-poeżiji. Avvenimenti bħal dawn huma importanti biex – ġejjin minn fejn ġejjin, u aħna min aħna – naqsmu l-istejjer ta’ xulxin, inħossu l-qalb tħabbat ta’ xulxin, u noħolmu u noħolqu flimkien, f’ġieħ dinja aħjar.”

Il-ħolm. Il-kollaborazzjoni. Ir-relazzjoni mal-qarrejja u ma’ awturi oħra, forsi anki ma’ nies li ma jaqrawx u li ma jinteressawhomx il-kotba. Għal Antoinette, il-qari u l-kitba huma l-muftieħ li jiftħu beraħ il-bibien tad-djalogu u s-solidarjetà, li, fl-aħħar mill-aħħar, huma r-ruħ tal-Festival:

“Għalkemm ħafna jaħsbu li l-qari hija attività solitarja, jien naħseb l-oppost – ngħid għalija, il-kotba minn dejjem urewni kemm fil-fatt m’iniex waħdi. Il-letteratura mhux talli ma tiżolaniex, talli tressaqna lejn xulxin; toħloq network sħiħ ta’ rabtiet/konnessjonijiet ‘intanġibbli’ bejn ħafna nies; rabtiet li ma jidhrux imma b’saħħithom, u li la għandhom fruntieri u lanqas sens ta’ żmien.”

Din l-intervista saret minn Noel Tanti. Antoinette Borg se tkun waħda mill-awturi mistiedna tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura li se jittella’ fis-26 u s-27 ta’ Awwissu fil-Forti Sant’Iermu. Aktar informazzjoni u biljetti jinkisbu minn hawn.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq Newsbook: https://newsbook.com.mt/il-qari-mhux-attivita-solitarja-antoinette-borg/

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.