Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Inizjamed

David Aloisio – Bejn ir-Reali u s-Surreali

BEJN IR-REALI U S-SURREALI

David Aloisio.
David Aloisio

Claudia Gauci tintervista lil David Aloisio

Il-ġeneru tal-fantastiku. X’jagħtik fil-kitba u xi jfisser għalik bħala individwu?

Bħalissa nħoss li dan il-ġeneru qed jagħtini ċ-ċans nesprimi ruħi bl-akbar libertà għax jeħlisni mill-irbit tad-dinja reali u mil-limiti tal-esperjenza umana nnifisha. Ovvjament, kull ma nikteb jibqa’ frott l-istħajjil ta’ moħħi li, inevitabbilment u ironikament, huwa msejjes fuq l-esperjenza umana.

Il-ġeneru tal-fantasija jagħti ċ-ċans lill-kittieba, u eventwalment lill-qarrejja, biex jalternaw bejn ir-reali u s-surreali, bejn il-possibbli u l-impossibbli. Hekk, din ix-xorta ta’ proża ġeneralment tibda bħala rakkont verosimili imma li mbagħad tibda tinfilsa elementi fantastiċi jew “maġiċi” li jagħtu l-opportunità lill-karattri jimirħu f’dinjiet fejn l-immaġinazzjoni umana tal-kitteb hija l-unika restrizzjoni – paradossalità li mill-banda l-oħra tista’ tissuġġerixxi wkoll li l-possibbiltajiet li joffri dan il-ġeneru bla limitu.

Tħoss li l-ġibda li tibqa’ tesplora dan il-ġeneru qiegħda kulma tmur titqawwa fik jew qed titħajjar tersaq ukoll lejn toroq ġodda fil-kitba?

X’aktarx li l-attrazzjoni lejn dan il-ġeneru mhijiex se tabbandunani malajr – u lanqas nixtieq li jiġri hekk. Jien stess infittex li nkompli nxettilha fija bil-qari: apparti l-qari ta’ xogħlijiet lokali bħar-rumanz distopiku Rokit ta’ Lorrane Vella u diversi xogħlijiet ta’ Trevor Żahra li fihom iħaddem b’tant sengħa r-realiżmu maġiku, qed infittex li mmantni l-ġuħ għal dan il-ġeneru billi naqra letteratura internazzjonali. Dan l-aħħar, per eżempju, għadni kemm lestejt ir-rumanz Victory City  ta’ Salman Rushdie, u Klara and the Sun u The Buried Giant, it-tnejnta’ Kazuo Ishiguro. Bħalissa qed naqra mill-ġdid Frankenstein ta’ Mary Shelley u Dracula ta’ Bram Stoker, żewġ klassiċi li ma jiqfux jaffaxxinawni għal raġunijiet differenti. Dawn il-ftit eżempji internazzjonali li semmejt, ilkoll bestsellers, huma xhieda mhux biss ta’ kemm dan il-ġeneru ilu żmien jagħmel suċċess (biżżejjed niftakru li Shelley ippubblikat ir-rumanz fantaxjentifiku tagħha fl-1818) imma wkoll ta’ kif, qarrejja bħali, illum il-ġurnata għadhom ifittxuh b’tant ħerqa.

Madankollu, il-faxxinu tiegħi għal dan il-ġeneru, ma jimplikax li ma jinteressawnix itinerarji oħra fil-kitba letterarju. Diġà kont esplorajt ftit il-ġeneru tas-satira permezz ta’ Only in Ħal Biżarr – ġabra ta’ novelli umoristiċi ispirati mill-ħajja kwotidjana tal-Malti komuni. Nixtieq nesplora wkoll ir-rumanz psikoloġiku, forsi fl-ewwel persuna – ġeneru li ilu jaffaxxinani, speċjalment wara li fl-adolexxenza kont qrajt Il-Gaġġa u Samuraj, it-tnejn ta’ Frans Sammut.

Inti rriċerkajt il-kanonu letterarju Malti fid-Dottorat tiegħek. X’inhuma l-konklużjonijiet personali tiegħek dwar din il-fortizza letterarja? Hija b’saħħitha? Iċ-ċokon tal-istorja letterarja  tagħna  taħseb li jsawwar kanonu iktar riġidu jew iktar fluwidu? Hemm ċans li tixxaqqaq il-fortizza?

Personalment, ma nemminx li l-kanonu letterarju huwa xi lista “ffortifikata” ta’ xogħlijiet letterarji li ħadd ma jista’ jimmodifika. Fit-teżi tiegħi ppruvajt nipproblematizza l-idea tal-kanonu letterarju billi napplika d-diskors internazzjonali dwarha għall-kuntest letterarju Malti. Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw “il-kanonizzazzjoni” tal-aqwa xogħlijiet letterarji, bħar-rikonoxximent akkademiku, ir-reklamar, l-andament tas-suq, l-għoti tal-premjijiet letterarji, is-selezzjonijiet tal-bordijiet tas-sillabu tal-letteratura, u l-għażla ta’ xogħlijiet lokali biex jiġu tradotti u esportati lil hinn minn xtutna. Imma dawn il-fatturi huma prova biżżejjed tal-kwalità għolja tax-xogħol? Ċertament li huma indikaturi. Jista’ jagħti l-każ li jsiru ġudizzji żbaljati fl-identifikazzjoni tal-aqwa xogħlijiet? Ċertament li iva. Fl-istudju tiegħi għamilt ukoll skrutinju tal-kriterji li fuqhom jiġu bbażati l-ġudizzji fundamentali li jeżaltaw xogħlijiet letterarji meqjusa bħala superjuri, bil-konsegwenza li jitwarrbu oħrajn meqjusa bħala inferjuri. Imma l-għarfien ta’ dawn il-kriterji b’ebda mod ma jimplika li kull standard stabbilit mill-kanonizzaturi huwa dejjem ġustifikabbli. Għalhekk id-diskussjoni dwar l-eżistenza ta’ kriterji assoluti u dwar is-suġġettività tal-kanonizzaturi tibqa’ dejjem miftuħa.

L-idea tal-kanonu letterarju ma tinżilx għasel ma’ kulħadd. Hemm min iqisha bħala mekkaniżmu soċjali li jaqdi l-ideoloġija politikament u intellettwalment predominanti tal-mument. Spiss jiġri li jkun hemm kittieba li jridu joħolqu spazju għalihom infushom fil-kuntest letterarju li jiffunzjonaw fih, xi drabi jaslu jiċħdu t-tradizzjoni jew l-idea ta’ kanonu stabbilit. Iżda t-tneħħija tal-kanonu preċedenti twassal biex awtomatikament jinħolqu kanoni ġodda li jiffavorixxu ideoloġiji ġodda. Filwaqt li dan il-proċess ikompli jsostni “l-gwerer” tal-kanonu u r-rilevanza tal-istudji dwarhom, l-idea li tħott knisja biex tibni oħra toħloq il-bżonn li jiġu analizzati l-motivi li jwasslu għal dawn il-bidliet kostanti.

Dwar ir-“writer’s block”. Meta tiġi merħba biha. Ikun ifisser li għandi bżonn nieqaf u nistenna. U sadanittant, inlesti dak li jkolli għaddej. Nemmen li “n-nixfa tal-ispirazzjoni”, biex insejħilha mod ieħor, hija ta’ benefiċċju għall-kittieb innifsu.

Kif tikteb? X’inhu l-proċess tiegħek? Għandek xi ritwali? U x’tagħmel biex tegħleb il-famuża writer’s block?

Il-bidu ta’ kull proġett dejjem jinbet minn idea li tkun ilha ddur f’moħħi żmien, sakemm imbagħad, nibda nħarbex xi ħaġa. Ħafna drabi l-proċess jieqaf hemm, u l-idea tmut fuq ommha. Imma meta l-ħsieb tal-proġett jibqa’ jippersisti f’moħħi – turija li tkun idea li tista’ twassal xi mkien – inkompli nikteb sakemm nikkonvinċi ruħi li rrid nidħol għall-biċċa xogħol. Fil-proċess tiegħi tal-kitba, jien wieħed minn dawk imsejħa “plotters” għax inkun irrid li jekk jista’ jkun ikolli idea ċara tal-plott kollu. Naħseb li dan jagħmilna aktar kunfidenti biex imbagħad nasal niżviluppa aħjar il-karattri, niddeskrivi b’dettall ix-xeni, l-emozzjonijiet u l-bqija.

Peress li rrid insib bilanċ bejn il-familja, ix-xogħol, attivitajiet oħra u l-kitba, m’għandix il-lussu li jkolli xi ritwal riġidu li nimxi miegħu. La għandi ħinijiet fissi u lanqas post wieħed fejn nintefa’ nikteb. Imma ġaladarba nkun qbadt ma’ proġett, imbagħad naddatta skont l-esigenzi: nisraq siegħa ’l hemm u ’l hawn matul il-ġurnata jew matul il-lejl, niġri bil-laptop kullimkien, inniżżel notament fil-mobile u l-bqija.

Dwar ir-“writer’s block”. Meta tiġi merħba biha. Ikun ifisser li għandi bżonn nieqaf u nistenna. U sadanittant, inlesti dak li jkolli għaddej. Nemmen li “n-nixfa tal-ispirazzjoni”, biex insejħilha mod ieħor, hija ta’ benefiċċju għall-kittieb innifsu. U sakemm inkun fiha, apparti li nibqa’ nfittex sorsi ta’ ispirazzjoni, inżid id-doża tal-qari biex nibqa’ nitgħallem mill-imgħallmin tas-sengħa.

Hemm elementi fil-kitba li inti tipprijoritizza meta tikteb? L-istil? Il-plott? Il-lingwa? Il-karattri? U meta taqra, huma dawn li tfittex?

Dawn l-elementi li qed issemmi huma kollha fundamentali sabiex kittieb jipproduċi biċċa xogħol tajba. Fil-fatt, iva, meta naqra nispiċċa noqgħod nanalizza kif issenslu dawn l-elementi fundamentali fin-narrattiva tar-rumanz jew tan-novella bit-tama li jien ukoll intejjeb is-sengħa tiegħi. Per eżempju, meta bis-saħħa tat-traduzzjonijiet ta’ Claudine Borg, skoprejt lil Éric-Emmanuel Schmitt, issaħħart dwar kif dan il-kittieb  juża dawn l-elementi b’tant għaqal f’xogħlijietu, b’mod speċjali fin-novelli tiegħu. Fejn tidħol in-narrattiva nħoss li qabelxejn il-qarrejja jfittxu plott intriganti – għalkemm dan mhuwiex xi kriterju li neċessarjament jagħmel xogħol aħjar minn ieħor. Dan l-aħħar qrajt Death in Venice ta’ Thomas Mann – rumanz bi plott sempliċissimu li xorta affaxxinani, fost l-oħrajn, minħabba l-karattru psikoloġikament kumpless tal-protagonista. Fih ir-rumanzier irnexxielu jżewweġ l-atmosfera Venezjana mal-qagħda interna tal-karattru ewlieni b’sengħa tal-blieh tant li bħala qarrej stajt nempatizza sew ma’ dak li kont qed naqra u “nogħdos” fl-atmosfera li ħoloq.

Dan l-aħħar kont involut ukoll fil-proċess tal-editjar. Flimkien ma’ John Portelli, editjajt ġabra ta’ poeżiji f’antoloġija dwar Gaża. Xi tgħidli dwar dan il-proċess? Kif tgħixu? Kif inhuma differenti l-esperjenzi li teditja lil ħaddieħor u teditja lilek innifsek?

Bħala editur letterarju din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi. Kont ixxurtjat li ħdimt ma’ John Portelli, bniedem tal-esperjenza u li hu stess jikteb il-poeżiji. Peress li f’xogħli jiena ngħallem, fost l-oħrajn, il-kritika tal-poeżija, ma kinitx daqshekk diffiċli għalija biex nagħmel xi suġġeriment għal titjib fil-preżentazzjoni tax-xogħlijiet għall-antoloġija Il-Ħsad tal-Peprin. Peress li dan il-proġett ħaddan fih kontribuzzjonijiet ta’ ħafna nies, il-proċess kollu ma kienx dejjem faċli; meta aħna għaddejna s-suġġerimenti tagħna lill-poeti, ir-reazzjonijiet tagħhom ma kinux kollha l-istess. Imma xorta wasalna. Bħala edituri, ninsabu kuntenti li bil-bejgħ ta’ din l-antoloġija, s’issa diġà nġabru aktar minn elf ewro biex jingħataw lil organizzazzjoni volontarja li taħdem għas-saħħa medika tal-Palestinjani.

Ovvjament, li teditja lilek innifsek iktar faċli għax tista’ tkun aħrax kemm trid. Għalkemm xorta jibqa’ l-fatt li l-editjar tiegħek innifsek, fl-aħħar mill-aħħar qatt mhu se jkun biżżejjed. Mill-ftit esperjenza li għandi, dejjem tgħallimt ħafna minn editur li jara xogħli u llum il-ġurnata ma nkunx irrid nippubblikah jekk ma jkunx għadda mill-proċess, spiss tawwali u li jifilġek, tal-editjar.

Għandek proġetti għall-futur?

Iva, bħalissa qed naħdem fuq rumanz għall-adulti u għandi f’moħħi xi proġetti oħra.


Verżjoni ta’ din l-intervista, adattata minn Ilona Sciberras, dehret fuq Newsbook, fit-18 t’Awwissu 2024.

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.