Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Inizjamed

Mario Cardona – Mill-Festa ta’ San Bastjan għall-Festival tal-Letteratura

Mill-Festa ta’ San Bastjan għall-Festival tal-Letteratura

Mario Cardona. Ritratt ta'/Photo by Charles Calleja.
Mario Cardona. Ritratt ta’ Charles Calleja

Mario Cardona għandu dottorat mill-Università ta’ Edinburgh u huwa Deputat Prinċipal għall-Arti u x-Xjenzi Soċjali fl-MCAST. Ippubblika żewġ ġabriet ta’ poeżija u fil-jiem li ġejjin se joħroġ pubblikazzjoni letterarja oħra. Illum jgħix il-Manikata imma trabba Ħal Qormi u ġej minn żewġ familji kbar b’ħafna tfal. 

“Min-naħa ta’ ommi n-nanna kienet tieħu ħsieb it-tiġieġ u l-fniek, u n-nannu kien bajjad. Min-naħa ta’ missieri n-nanna kienet taħdem il-ganċ, u n-nannu kien fattiga l-Ingieret u kellu merħla tal-mogħoż. Ħajti għextha mdawwar bl-annimali u f’ambjent li ħafna nies mhumiex imdorrijin fih. Inħoss li fl-iskola ġegħluna naħsbu li għandna nitbiegħdu minn din il-kultura, nistħu nassoċjaw ruħna magħha. U kien hemm żmien meta veru għamilt hekk. Imma mbagħad bdejt ninduna li biex ikollok koerenza fil-ħajja trid tikber minn dak li int, mhux minn xi ħaġa oħra li m’intix. U iktar ma għadda ż-żmien iktar bdejt napprezzaha din il-kultura.”

Il-poeżiji ta’ Cardona spiss jirriflettu l-esperjenzi tal-kultura li trabba fiha u l-kitba donnha ssir tentattiv biex jasserixxi għeruqu. Id-djalett Qormi jitfaċċa fi wħud minn dawn ix-xogħlijiet għax, kif jgħid hu stess, baqa’ parti minnu u jiddejjaq meta dak li jkun jiddemonizzah bħallikieku huwa parti minn sottokultura ta’ min jaħrabha. Fl-2007 waqqaf il-Koperattiva Rurali Manikata u għadu s’issa involut bħala voluntier għax jieħu ħsieb l-annimali tar-razzett. Il-mużika tgħinu jirrilassa u fis-sajf idoqq mal-baned f’festi differenti.

L-ewwel ġabra ta’ poeżiji, Fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel (Horizons, 2019) kienet finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Fit-tieni ġabra Allat tal-Landa (Horzions, 2022) l-identità hija preokkupazzjoni ewlenija li tissarraf f’tensjoni bejn il-kultura kolta u l-kultura popolari. 

“Il-poeżiji ta’ Allat tal-Landa ktibthom f’mument partikolari f’ħajti. Wara 25 sena ngħix il-Manikata, ftit jew wisq sajjem mill-ħajja soċjali u kulturali ta’ Ħal Qormi, fl-2016 lestejt id-dottorat u erġajt għodost fil-ħajja tal-każin u l-għaqdiet. Kien mument importanti li fih bdejt nirrealizza li l-akkademja, il-filosofija, u l-filosofija tal-edukazzjoni, u d-dinja tal-każin, tal-festa u r-raħal, m’għandhomx għalfejn ikunu żewġ dinjiet separati. Lili l-waħda u l-oħra jgħinuni nagħmel sens mit-tnejn li huma flimkien. It-tieni ktieb jinkludi ħafna riflessjonijiet fuq dawn iż-żewġ dinjiet li b’xi mod jiltaqgħu.”

Jien ġej minn tradizzjoni xellugija, soċjalista. Inħoss li s-soċjalisti Maltin fil-preżent huma nies bla dar.

Lil hinn mill-pubblikazzjonijiet letterarji, Cardona ppubblika wkoll dwar il-koperattivi, dwar l-edukatur Taljan Lorenzo Milani, u fuq il-faqar f’Malta. Il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali huma għal qalbu u jittrattahom kemm-il darba fil-poeżiji tiegħu.

“Ħafna mill-kummenti politiċi u soċjali fil-kitba tiegħi joħorġu mid-diżappunt li għandi bil-partiti l-kbar. Naħseb li għaddejjin minn perjodu twil ħafna li fih, kif kien qal Lorenzo Milani, minflok għandna l-mexxejja jmexxu lill-poplu, għandna lill-poplu li jipprova jiġbed warajh lill-mexxejja forsi jiċċaqalqu. Illum għandna partiti li donnhom jaħsbu li l-għan huwa l-partit innifsu u jibqax jew jitlax fil-gvern, mentri l-partit għandu jkun għodda biex iġib il-bidliet li hemm bżonn u jaħdem għall-ġustizzja soċjali. Jien ġej minn tradizzjoni xellugija, soċjalista. Inħoss li s-soċjalisti Maltin fil-preżent huma nies bla dar.”

Cardona jinsisti li mhuwiex nostalġiku għas-soċjaliżmu tas-sebgħinijiet, imma jħossu rrabjat li m’għandniex soċjaliżmu kontemporanju. 

“Naħseb li l-iktar grupp li nassoċja ruħi miegħu llum huwa l-Moviment Graffitti. Nammirahom ħafna u l-aġenda tagħhom naqbel ħafna magħha: fejn tidħol il-ġustizzja soċjali u l-ambjent li ma tistax tifirdu minnha; id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli u l-gruppi etniċi; il-viżjoni li tmur lil hemm minn xtutna, bħall-kwistjoni tal-Palestina… għalija dan hu l-veru soċjaliżmu.”

Cardona jħoss li, fil-konfront ta’ dawn id-diżillużjonijiet politiċi, il-letteratura tista’ tkun għodda b’saħħitha u tagħmel differenza. 

“Il-letteratura tista’ tkun mezz b’saħħtu biex trawwem valuri marbuta mal-ġustizzja soċjali u żżomm id-demokrazija ħajja. Tista’ tgħinna naħsbu b’mod kritiku, nirriflettu qabel nitkellmu, nirreżistu l-kultura kapitalista, u niġġieldu għal-libertà u għal ħajja ta’ kwalità.  Kif jgħid John Dewey, id-demokrazija mhix il-punt tal-wasla imma proċess li jevolvi kontinwament. U f’dan is-sens il-letteratura jista’ jkollha rwol importanti ħafna. 

Minn hawn u ftit jiem oħra se nkunu nistgħu ngawdu pubblikazzjoni ġdida ta’ Cardona, Kantuniera ’l isfel minn ta’ Pintu. Din id-darba se joħroġ ġabra ta’ aneddoti dwar waqtiet li għex bħala tifel f’Ħal Qormi. Dan il-proġett beda fi żmien il-pandemija għax, qabel ma ħolom li joħroġhom fi ktieb, dawn ir-rakkonti qosra tellagħhom wieħed wieħed fuq Facebook biex jakkumpanjaw ir-ritratti li laqtuh mill-albums ta’ tfulitu u li beda jaqsam ma’ ħbiebu online.

“Peress li kienu stejjer fuq affarijiet f’Ħal Qormi, uħud minn dawk li kienu jaqrawhom kienu jkunu familjari magħhom. Allura l-lista tal-kummenti ġieli kienet tkun veru twila: min iżid mad-dettalji, min jagħti l-verżjoni tiegħu, min jikkoreġi xi sena li nkun ftakart ħażin. Meta ġejt biex niġborhom għall-pubblikazzjoni, jien u t-tifla ħadna biċċa xogħol kbira. Dorna l-kummenti kollha u rajna x’nistgħu nintegraw fit-test. Biż-żieda ta’ wħud mill-kummenti l-proġett ħa xejra kollaborattiva, u l-interazzjoni mal-qarrejja bdiet qabel ma ħarġet il-pubblikazzjoni.”

Il-letteratura tista’ tkun mezz b’saħħtu biex trawwem valuri marbuta mal-ġustizzja soċjali u żżomm id-demokrazija ħajja.

Minkejja li t-tifkira qiegħda fil-qalba tat-tielet ktieb, Cardona jinsisti li mhuwiex wieħed minn dawk li jemmnu li konna aħjar meta konna agħar.

“Ma ngħidx li meta nħares lura ma nħossx xi ftit tan-nostalġija, imma bħal kulħadd nieħu pjaċir bil-kumdità li għandna llum. Ma naħsibx li nikteb fuq l-imgħoddi biex l-affarijiet ma jintesewx. Min-naħa l-oħra naħseb li importanti nirrealizzaw li l-ħajja li qed ngħixu mhix l-unika ħajja li nistgħu ngħixu; hemm mudelli ta’ ħajja u kulturi differenti minn tagħna u tajjeb li napprezzawhom. Fl-istess ħin nikteb fuq l-imgħoddi bl-għarfien konxju li ż-żmien għaddej u ma nistgħux inwaqqfuh. Għalhekk nemmen li importanti naħsbu fuq kif se nqattgħu l-ftit ħin li għandna.” 


Din l-intervista dehret fuq l-Orizzont fit-22 t’Awwissu, u fuq talk.mt fis-26 t’Awwissu 2024.

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.