Meta konna niddiskutu kif nistgħu nrawmu l-interess għal-letteratura fit-tfal kont, bla ma rrid, naħseb ukoll fit-tarf l-ieħor tal-ispettru. Bħala ġerontologa kont inħammem fuq kif Inizjamed tista’ tipprovdi attivitajiet kulturali differenti u li joffru pjaċir lill-anzjani tagħna f’postijiet mhux mistennija u li ġeneralment mhux assoċjati mal-kultura, u kif l-anzjani jistgħu jgawdu huwa wkoll mill-Festival annwali. Ikollna nammettu li l-aċċess għal tali attivitajiet, pereżempju dawk artistiċi, teatrali, u letterarji, jonqos aktar ma nikbru fl-età minħabba diversi kundizzjonijiet jew ostakli bħan-nuqqas ta’ mobbiltà u aċċess, ta’ smigħ u ta’ vista, u ta’ opportunitjiet minħabba l-mard u l-fraġilità.
Għad hemm ukoll xi preġudizzji, ngħidu aħna li l-anzjani mhumiex interessati fil-letteratura, wisq inqas fil-poeżija, jew li kollha jkollhom xi tip ta’ dimenzja, jew li ħafna drabi nassoċjawhom biss mat-tombla. Sfortunatament, dawn it-tipi ta’ sterjotipi, preġudizzji, u diskriminazzjonijiet abbinati mal-età (ageism, etaiżmu) għadhom prevalenti, anke jekk nittama li qed jonqsu.
Ritratti minn attivitajiet li saru f’San Vinċenz de Paul (2024), u fid-Djar tal-Anzjani taż-Żejtun (2022) u ta’ San Lawrenz, Għawdex (2023). Meħuda minn Katel Delia, Giola Cassar, u Kenneth Scicluna rispettivament.
Grazzi għal Inizjamed li għoġobha taċċetta s-suġġerimenti u l-entużjażmu tiegħi, fl-2017 bdejna bl-ewwel prefestival event f’San Vinċenz, fejn kellna qari u interazzjoni mal-anzjani minn wieħed mill-kittieba mistiedna ta’ dik is-sena. Din is-sena kienet is-sitt darba li organizzajna din l-attività bl-eċċezzjoni ta’ żmien il-Covid. Morna wkoll fid-dar tal-anzjani ż-Żejtun u anki d-dar ta’ San Lawrenz, Għawdex. Ovvjament, attivitajiet bħal dawn ma jistgħux jittellgħu jekk ma jkunx hemm il-kollaborazzjoni u l-appoġġ konsistenti tal-professjonisti u l-ħaddiema tal-post li jibqgħu strumentali għas-suċċess tal-attività.
Wieħed forsi jistaqsi, Għaliex l-anzjani? U jien nistaqsi lura, Għaliex le? Fl-aħħar mill-aħħar, bħal kull persuna ta’ kull età, jafu jkunu riċettivi, jixtiequ jkunu validati u mismugħa, u numru sew minnhom huwa miftuħ ukoll għal tagħlim ġdid. Irridu nżommu f’moħħna li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin, inklużi tagħna, ħa jkollhom aspettattivi differenti minn ta’ qabilna, mill-baby boomers, għalhekk tajjeb li ninnormalizzaw dawn l-attivitajiet u mhux li jibqgħu l-eċċezzjoni. Irridu nħarsu lejn il-bżonnijiet kulturali tal-anzjani tagħna u nespandu l-orizzonti, naraw x’inhuma l-ostakli u l-opportunitajiet biex nikkollaboraw magħhom u mmorru fil-postijiet tagħhom.
Ritratti minn attivitajiet li saru f’San Vinċenz de Paul (2024), u fid-Djar tal-Anzjani taż-Żejtun (2022) u ta’ San Lawrenz, Għawdex (2023). Meħuda minn Katel Delia, Giola Cassar, u Kenneth Scicluna rispettivament.
Irridu nħarsu ’l bogħod minn xtutna lejn pajjiżi li ħolqu proġetti kreattivi immens mal-anzjani u li anki jutilizzaw il-midja soċjali u t-teknoloġija informatika. Irridu mmorru lil hinn milli nisimgħu biss l-istejjer tagħhom sabiex nagħtuhom ukoll l-opportunità li jikkreaw xi ħaġa huma bħal f’Niġru Ġrajja, proġett ieħor ta’ kitba kreattiva ta’ Inizjamed.
Nibqa’ dejjem grata li Inizjamed għoġobha tiftaħ il-bibien għal dawn in-nies mimlija esperjenzi diversi tal-ħajja, nies mimlija għerf, billi dawn l-inkontri joħolqu lok ukoll għal tagħlim reċiproku.
Artiklu ta’ Priscilla Cassar, voluntiera f’Inizjamed.
Dan l-artiklu huwa parti minn sensiela li tħares lura lejn inizjattivi ta’ Inizjamed b’risq l-aċċess għal-letteratura u l-arti f’komunitajiet differenti, bit-tama li jkun hemm aktar inizjattivi simili fil-futur.
Min jixtieq jagħmel kuntatt ma’ Inizjamed jista’ jikteb lil info@inizjamed.org.