Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Komunitajiet ikkuluriti u l-iskuża tal-letteratura

Komunitajiet ikkuluriti u l-iskuża tal-letteratura

Hemm individwi, familji, u komunitajiet li jattendu l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, imbagħad hemm komunitajiet li l-Festival imur għandhom. F’din il-kitba nirriflettu fuq iż-żjara ta’ Mario Cardona, wieħed mill-awturi mistiedna għall-Festival tal-2024, f’Tal-Ibwar, ir-residenza tal-Caritas għaż-żgħażagħ.

20240904 L-Ibwar 02
Ritratt: Caritas Malta

Inizjamed, l-organizzazzjoni li ttella’ l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, tipprova tlaqqa’ awturi Maltin m’oħrajn barranin u twassal il-letteratura fi mkejjen li normalment ma tasalx. Fi kliem ieħor, dak li għas-soċjetà jaf jidher periferjali, Inizjamed tipprova tpoġġih fiċ-ċentru: il-letteratura tingħata pjattaforma, l-awturi Maltin jitilgħu fuq il-palk spalla ma’ spalla m’awturi barranin, u komunitajiet emarġinati jingħataw l-ispazju sabiex anke l-istejjer tagħhom jiġu mismugħa. 

Matul is-snin, Inizjamed ħadmet ma’ pazjenti tal-kanċer fiċ-Ċentru Sir Anthony Mamo u mar-residenti f’Ta’ Kordin, f’Dar Kenn għal Saħħtek, u din is-sena f’Tal-Ibwar. U ta’ kull sena jkollna l-istess mistoqsija: Kif taqbad tippreżenta l-letteratura u kitba kreattiva oħra lil persuni li l-prijoritajiet tagħhom huma differenti minn tagħna? U ta’ kull sena donnu nibqgħu ma nitgħallmux għax it-tweġiba tkun sempliċi u tibqa’ l-istess: Il-prijoritajiet ta’ persuni emarġinati mhumiex differenti għax kollha kemm aħna rridu l-istess ħaġa – li nisimgħu l-istejjer ta’ ħaddieħor u ningħataw iċ-ċans ngħidu tagħna.

Din reġgħet kienet l-esperjenza tagħna nhar l-Erbgħa 4 ta’ Settembru 2024 f’Tal-Ibwar, iċ-ċentru terapewtiku tal-Caritas għall-adolexxenti li ilu miftuħ għal dawn l-aħħar erba’ snin. Ir-residenza, bi staff dħuli daqskemm professjonali, hija mdawra b’għelieqi li jinħadmu miż-żgħażagħ residenti stess u tospita wkoll lil Avatar, iż-żiemel addottat mill-RMJ; lil Peggy, il-kelba tal-komunità; u ftit tiġiġiet. Fuq ġewwa, imbagħad, hija attrezzata bħal kwalunkwe dar oħra iżda bi spazji għat-tagħlim ukoll, u hija mżejna b’ritratti, tpinġijiet, u skulturi fit-tafal u l-ġebel maħduma mir-residenti stess. 

… il-ħtieġa li tisma’ l-istejjer ta’ ħaddieħor u li tgħid tiegħek hija ħtieġa essenzjalment umana.

Meta Mario ma jkunx fl-uffiċċju tal-MCAST jew fil-każin tar-raħal, issibu jħammeġ idejh fir-razzett Tal-Qasam tal-Koperattiva Rurali Manikata, fejn għandhom ukoll xi annimali. Għaldaqstant, l-għażla tas-suġġett għal-laqgħa tiegħu maż-żgħażagħ ġiet weħidha; huwa qralhom siltiet mill-ktieb il-ġdid tiegħu b’rakkonti minn tfulitu li fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom l-annimali bħala karattri ewlenin. Fl-aħħar tas-sessjoni, Mario talabhom biex jekk iridu jiktbu huma wkoll r-rakkonti tagħhom mal-annimali li trabbew magħhom jew li għandhom f’Tal-Ibwar. Bħal f’kull workshop simili, l-għażla tal-kitba jiktbux jew le titħalla f’idejn ir-residenti.

Mistoqsija oħra li jkollna ta’ kull sena hija jekk ir-residenti jilqgħuniex jew le, jekk ikollhomx moħħ il-letteratura, u, mill-ġdid, donnu sena wara sena ma nitgħallmux li l-ħtieġa li tisma’ l-istejjer ta’ ħaddieħor u li tgħid tiegħek hija ħtieġa essenzjalment umana. Dawn l-inkontri li Inizjamed torganizza minn sena għal oħra mhumiex laqgħat bejn għalliema u studenti, kittieba u semmiegħ, mentors u mentees … Ir-residenti f’Tal-Ibwar u l-istaff li jaħdem magħhom reġgħu fakkruna li l-letteratura, fl-aħħar mill-aħħar, hija biss skuża biex f’laqgħat bħal dawn inpoġġġu lin-nies u lill-istejjer tagħhom fil-qalba tal-komunità.


Kit Azzopardi 20240519 Ken Scicluna-06744 crop

Artiklu ta’ Kit Azzopardi (Inizjamed); ħajr lil Erica Micallef Filletti minn IVY (Interrupting Violence towards Youth – www.antidemalta.org/ivy).

Dan l-artiklu huwa parti minn sensiela li tħares lura lejn inizjattivi ta’ Inizjamed b’risq l-aċċess għal-letteratura u l-arti f’komunitajiet differenti, bit-tama li jkun hemm aktar inizjattivi simili fil-futur.

Min jixtieq jagħmel kuntatt ma’ Inizjamed jista’ jikteb lil info@inizjamed.org.


Żgħażagħ bi problemi tax-xorb u ta’ sustanzi oħra jistgħu jitkellmu mat-tim ta’ Tal-Ibwar billi jiktbulhom fuq info@caritasmalta.org (www.caritasmalta.org/services/tal-ibwar).