Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta / Malta Mediterranean Literature Festival
Medinea f’Għawdex u poeżija

Medinea f’Għawdex u poeżija

Matul ix-xahar ta’ Marzu, Inizjamed ikkollaborat ma’ ARC Research & Consultancy, u nnominat erba’ awturi għar-residenza organizzata minn Medinea, organizzazzjoni li toffri pjattaforma lil mużiċisti EwroMediterranji f’kuntest interkulturali. Matul ir-residenza li nżammet fl-Għarb, l-erba’ awturi ltaqgħu mal-mużiċisti u kitbu poeżija mnebbħa mill-ħsejjes tagħhom. Ix-xogħol tal-erba’ awturi, Keith Borg, Klara Vassallo, Gabriel Lia u Elena Cardona nqara minnhom stess qabel il-kunċert Medinea Session Gozo. Il-poeżija tagħhom tinsab hawn taħt.

Medinea Session Gozo 2022 - Jean Paul Borg, Elena Cardona, Klara Vassallo
Medinea Session Gozo 2022 – Jean Paul Borg, Elena Cardona, Klara Vassallo. Ritratt ta’ Inigo Taylor. Ħajr lil ARC Research & Consultancy.

Keith Borg

Medinea Session Gozo 2022 - Keith Borg (Inigo Taylor)
Medinea Session Gozo 2022 – Keith Borg. Ritratt ta’ Inigo Taylor. Ħajr lil ARC Research & Consultancy.

Ħoss il-Mediterran

Dal-ħossiħossumħasseb, qaltli,
għax il-Mediterran qed jegħreq,
jibla’ lilu nnifsu qisu Ouroboros
irid jinħeles mill-ħsejjes imsejsa tul sekli
sħaħ irid jinħakem mis-silenzju għarwien.

Għax il-Mediterran, xi darba, kien itektek,
qaltli. Lill-Malti li issa sar ħolma 
belagħlu l-għajn minn ħalqu
u mitt miljun ħoss ieħor
donnhom snien żlugati 
jinbeżqu minn ħalq imnawwar
li ħanżrulu l-ħsieb ta’ ħolma Maltija
maħluma f’manuskritti,
immermra, mormija.

Għax il-Mediterran, xi darba, kien ibaqbaq, qaltli.
It-tħaxwix tal-weraq sfuma f’dak ta’ flus maħsula
minn kull melħa u ramla;
il-werżieq iserraħ griżmejh taħt id-dell ta’ gaffa
goffa li ħanqitlu l-protesta b’villa bil-pixxina.

Għax il-Mediterran, xi darba, kien isejjaħ, qaltli. Flok il-kliem
mistur jaqbeż minn persjana għall-oħra ħakmu t-tektik
ta’ buttuni jħabbtu l-imgħaġġel mgħaġġel.

Ninżel f’dal-baħar mgħarraq,
jekk togħdos, qaltli, m’intix se terġa’ tibda
se ssir il-ħoss etereali,
la żmien la spazju,
             bla ebda ħsus,
                           l-għadam,
             l-organi,
                                                                    il-vini
jisparpaljaw
jinħallu fl-ilma mmellaħ
li tilef togħmtu
u l-ħsieb jisfuma
u n-nifs jitbenġel
ma’ kull għadsa
ma’ kull qatra li nibla’
inħares ʼil fuq
dil-mera mżellġa
merżuq dawl jinfidha
jinfidni dad-dawl 
dehbieni
mhux bħal passaport imqarqaċ
hu u jikkrolla:
il-fruntieri tilfu kull direzzjoni.

Ninżel u nogħdos fejn id-dawl qatt ma resaq
u flok is-skiet insib splużjoni ta’ ħsejjes
ħierġa minn kreaturi li qatt ma dehru:
             dal-Mediterran ġdid, imġedded,
             u bin-naqra n-naqra nibda nitħannen
             niżżerżaq fi ħdanhom
                                                                    kull ħoss
                                         kull nota

nistenna lilek
narak tgħib u 
                                         tiżżerżaqli.

Dal-ħoss mhux milqugħ

Mal-friegħi dendel nifsu spjetat,
għajnejh jitbandlu għar-riħa tal-ward,
kull ħoss jisponta xewka 
imbagħad oħra 
sakemm jitfassal ġnien moħbi,
mhux mifhum.

Idur u jdur
donnu żunżana żugraga
kull ħoss jiggranfalu widnejh
iqaxxarhomlu folja folja
dal-ħoss mhux milqugħ.

In-nies tistenbaħ u tiċċassa,
ma tifhimx l-għala l-ħoss ma jwennsux
Id-demgħa tiżżerżaq minn għajnu
tarbija titħallat mal-bikja minn fommu
mitbuq.

U jkompli jdur u jdur
sakemm il-ħoss iħossu jfur
u jisplodi f’anarkija
sakemm il-ħoss jinħall fl-arja
u tasal il-kalma –
il-kalma tal-kelma.

Ħoss metalliku

Mit-tieqa mbexxqa
xaqq dawl jidħol ifexfex
żiffa riħ iġġorr ħoss metalliku
ta’ mgħarfa ċċekċek ma’ platt imċaqqam
u titilqu fi ħdani
nismagħha tonfoħ is-solitudni
fuq platt minestra silġ
u niftakar li minn kull pora msadda
ta’ dal-ġisem moħli
tibda ħierġa nostalġija kkalzrata
inkaxkar is-siġġu bl-injam
mherri u niftaħ il-ktieb iżaqżaq 
ta’ ritratti mitfija biż-żmien
u niftakrek tistennieni
ħdejn il-funtana
għajnejk jibbru
poża statweska
bil-libsa ħadranija
żżiegħel bil-lejl
inpoġġi mal-mejda
ninduna 
li anke minn idi
ħiereġ ħoss metalliku
u fuq il-boqqa patata maxx
naqla’ kull demgħa vjola
li erfajt għalik.

L-għata tas-silenzju trossni ftit ieħor,
sakemm nittarrax, u nerġa’ nisma’ leħnek fil-bogħod.


Klara Vassallo

Medinea Session Gozo 2022 - Klara Vassallo (Inigo Taylor)
Medinea Session Gozo 2022 – Klara Vassallo. Ritratt ta’ Inigo Taylor. Ħajr lil ARC Research & Consultancy.

ħoss mediterran

ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?

ġieli smajt ħoss lasktu mifqugħ f’nofs l-ikħal —
ta’ baħar jgħerriqhom ftit ftit?
dan l-ewwel ħoss li nisma’ meta tispellili l-m-e-d-i-t-e-r-r-a-n.

dawn il-poeżiji attentat biex infissirlek ħoss l-ikħal
li l-ewwel darba li niżlu fih
kien hemm il-mewt tisfidahom mill-qiegħ
— smajtni nirrima?

ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?

                                                                                    ħallihom ħa jegħrqu (bil-mod)

; dan ħoss nies wisq barranin għad-dar
wisq barranin għal hawn
u qatt biżżejjed għat-tnejn

ma jarmux lilhom infushom fil-baħar la darba l-baħar
mhux aktar dar mid-dar — 

qatt ma jaħarbu ladarba ma jkollhom xejn
minn xiex jaħrabu — ladarba pajjiżhom
ma lagħabx waħda pulizija u ħallelin
bil-pistola ma’ widnejhom —
bomba toqmos f’idejhom —

smajtni nirrima, għid?
ejja mela:

ara ġejja l-mewt għalik
biex tixwik biex taqlik
ara ġejja ara waslet
din id-daqqa min tahielek?


Gabriel Lia

Medinea Session Gozo 2022 - Gabriel Lia (Inigo Taylor)
Medinea Session Gozo 2022 – Gabriel Lia. Ritratt ta’ Inigo Taylor. Ħajr lil ARC Research & Consultancy.

Ktibt bit-Temp (L-ewwel parti)

Ir-riħ mix-Xlokk il-Lvant ser ikun qawwi
għal qawwi ħafna, u f’xi waqtiet jilħaq il-qawwa ta’ riefnu
fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Ġżejjer Maltin

Santa Eliżabetta kemm qam riħ
int miġnun tirkeb il-ħalel
biex idduq l-imluħa tal-Mediterran
il-pastizzi tal-Coney Island Bar
u titqanqal minn ġewwa?
bħal orgażmu ta’ ribelljoni
li sfida t-twissijiet tar-riħ
dal-iben il-ħali daħal fi globu griż tal-ħġieġ;
ċlampu, għall-Għawdxin temp tal-ġamiem

Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-sitta t’għada filgħodu, ħin lokali u terġa’ tiġġedded kif meħtieġ, sakemm dil-qalb iċċedi, iċċedi lid-dinja u mill-ġdid tistenna l-eternità bħal Penelope

Idduq il-pizza taż-żebbuġ tal-Maxims
li ddum tistennieha kwarta
iż-żejt ftit li xejn iqattar fit-taraġ kenni, aktar ix-xita
barra ma tarax ruħ
ġewwa l-erwieħ imkasbra jilagħbu fuq li jilagħbu bil-vot

Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sas-26 ta’ Marzu.

jaf għad nitlef moħħi

Qabel tidħol fil-karozza farfarhom
ma fejn striħajt, tfarfar
x’tikber kemm qed titfarfar
ninnutani xagħri ta’ spiss tfarfar
iżda mhux iktar minn moħħi
moħħi qed jitfarfar Ma
Ma beda l-iżmantellament

farfart saqajja mir-ramla tar-Ramla l-Ħamra
farfart dirgħajja mill-ġir bajdani tal-Qolla l-Bajda
farfart żgħożiti mal-ewwel qabża f’Ħondoq ir-Rummien,
immaġinajt bħalma immaġinajt il-mewġ kajman f’Għar Qawqla
dieħel isejjaħli biex nitfarfar mill-ħsibijiet
u fil-baħar niżżarma, inħoll futuri
u nħallih joħoduli ’l barra
fejn naf li mhu se jerġa’ jiġi lura qatt
naf iva naf li din klixè imma din mhux art tal-klixejiet
mela se nitfa’ ‘Apocalypse’ ta’ Cigarettes After Sex
u naħseb f’kemm ħokkli dahri biex inħokklok tiegħek
verżjoni cheap għalina l-Maltin, kważi kważi gimmick, perċezzjoni,
aħna ħokkli dahri biex nabbużalek lil familtek kollha.

u kemm jiena bla bajd li mhux kapaċi naqbad it-titjira li jmiss għal ma nafx fejn,
imqar biex noqgħod ngħodd is-sħab duħħan bla forma

Ma beda l-iżmantellament
Ma beda l-iżmantellament
Ma beda l-iżmantellament

Ma: Għalfejn qed tgħajjat, ma jonqsok xejn!

Il-period tax-xitan

an elephant in the room
barriera fonda f’tarf ir-raħal
farrett fil-kampanja Għawdxija
imċappsa bid-demm li baqa’ ġej
heavy period li ma jaqta’ xejn

telefonata mill-Għassa tar-Rabat Għawdex
surġent hawnhekk tinkwetax, nikkonferma l-Instagram tiegħi
inti għandek filmat li fih anzjan mis-Sannat jgħid
Għawdex tal-Maltin, Malta tal-barranin?

“Iva mhux problema sir se nneħħih issa.”
inqabad l-utru b’ponn karti tal-mija
inġibed u qiegħed jiċċarat bil-mod
okrob ibki olfoq
igdem il-lożor biex ma tobżoqx il-protesta
u ibqa’ emmen li f’artna m’hawnx infern
xjaten biss

ix-xitan m’għandux ħalib imma jgħajjat bil-ġbejniet
ix-xitan m’għandux permessi imma diġà qed ibigħ il-postijiet

Ktibt bit-Temp (it-tieni u l-aħħar parti)

feels like we only go backwards
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?

ftit imsaħħab, tinħass 16-il grad

let it happen
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?

l-ogħla 16-il grad, l-inqas 13

why don’t you make up your mind?
tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?

indiċi UV 7

tista’ tgħidli x’ħin se titla’ x-xemx?

fis-sebgħa nieqes kwart.

le jaħasra irrid inkun naf meta se titla’ x-xemx
għal kulħadd


Elena Cardona

Elena Cardona (Kenneth Scicluna)
Elena Cardona. Ritratt ta’ Kenneth Scicluna.

Ħjut

  1. Ikolli ngħid li l-għanqbut dejjem joħloq fija kurżità – tqanqil tal-kifijiet u l-għalixijiet. Il-ħjut rotob, imfelfla u jgħallku tal-candy floss marbut mal-filgħaxijiet tat-tfulija. Gidma wara gidma, b’subgħajja ċkejknin inġebbed fit-tajjar roża/aħdar/blu u nilgħaqhom miz-zokkor iwaħħal li jifdal taħt dufrejja. It-tajjar mittiekel isir ħabel tal-ħarir – ingassa, jistira u jgħarrax ma’ għonq il-priża tiżfen iż-żifna tal-mewt li tpaxxi lill-brimba. Il-brimba tammira mill-ġenb b’għajnejha nemmiesa, daħkana, hi u tħoss il-ħarira tistira mill-ġewwieni tagħha. U l-priża titħabat, tirribatti u l-ħarir jgħallek magħha sakemm in-nifs iċedi. U tirtab. U tirtab. U tirtab. U tirtab għall-brimba f’dillirju, f’estasi ta’ festa karnivora mkabbra bl-għanqbuta-xibka-nassa tagħha/magħha.
  1. Allura, antikwità l-għanqbuta? Trid titfarfar kif jgħid il-Malti? Ma jafx il-Malti li l-għanqbuta nisġa mistika ta’ ilħna seduċenti, jostru l-ispirtu maġiku tagħhom sakemm…sakemm…sakemm jaħfnuk fiż-żegħil morbidu, iċallas u jgħallek bħal bews fuq il-ħaddejn. Seduzzjoni. Intriċċi. Amore? Le, amaro l-imħabba għanqbuta.
  1. U s-seduzzjoni xi trejjaħ? Il-blu, il-blu jganċi fil-griż, l-ikħal tal-baħar – dan iż-żagħżugħ ta’ dejjem, eternità sfrenata ta’ żgħożija. L-ikħal tal-baħar, ir-ramel aħmar u Calypso tfiġġ tinseġ ix-xibka għal Ulisse, ħelwa daqs xufftejk. Din ix-xibkatuliss. La xibka, la Ulisse imma xibtatuliss. Xibkatuliss – jien u int biss nifhmu. Din tagħna biss. Tostorna għal seba’ snin mit-tempesti t’allat jaħilfu, jeqirdu, jittalbu mal-bniedem. El khulud. Ġisimna darba l-għarbiel taż-żmien, jissaffa mill-melħ u l-alka sakemm l-ikħal isir il-kulur ta’ ġildek u ġildi.   
  1. Ambigwa x-xibkatuliss. Il-ħjut tax-xibka jaħfnuni u jniżżluni ’l isfel, fil-qiegħ, fil-qiegħ. L-injam iqarmeċ iċaqċaq melodija tenebruża mas-sireni. Ramel kont u ramel se nerġa’ nsir. Il-ħolm dehbi jixtieq ixenxel għeruqu mal-blat, maħfun mill-mewġ iriegħed. U jien interraq imtertaq lejn l-ikħal ta’ Calypso.
  1. U l-brimba seduttriċi tal-bidu taqleb l-irwol tagħha. Issir konsumatur ta’ xibkitha stess. Bħal Penelope. Taħdem-toftoq, toftoq-taħdem id-destin. Tilgħab, tagħġen fil-memorja tagħha, fil-memorja kollettiva, fil-memorja tiegħi. Fil-memorja tiegħi miegħek. Insensel lilek matul il-jum u noftqok kif jasal il-lejl. L-għada filgħodu naħdmek ta’ taħt fuq. Il-mistur jiġi mmaljat fix-xalla-xibka tagħna. U jitperreċ biex noħloq spazji mbewqa permessi mil-labar imħabbta flimkien
    Spazji tiegħi miegħek.
    Spazji inkontri luċidi tiegħi fik
    Spazji mlaħħma l-eternità karnali.

    Spazji konfronti namurużi bik miegħi.
    Spazji mitbuqa jitniehdu d-dulur tal-blu.
    Spazji mdaħħna ilħna passati jifgaw lil moħħna.
    Spazji mirjiħa mewt il-baħar iwensuni fl-irqad.
    Spazji msikkta mid-dmugħ ta’ ljieli nħoll l-għoqod imċempel tar-relazzjoni tagħna.
    Spazji maħtufa ta’ dinijiet diversi jitniehdu għal xulxin/ma’ xulxin/fuq xulxin.
    Spazji mċaħħda nistira l-ħjut li jżommuna marbutin/magħqudin flimkien/għal xulxin.

Il-Medinea Session Gozo 2022 kienet appoġġjata mill-Medinea u l-Erasmus+ Programme, prodotta minn ARC Research & Consultancy bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti – il-Ministeru għal Għawdex – id-Direttorat għall-Wirt Kulturali – il-Kunsill Lokali tal-Għarb – il-Każin tal-Banda tal-Għarb – APS Bank.

Inizjamed
Ħarsa Ġenerali Dwar il-Privatezza / Privacy Overview

Dan is-sit juża l-cookies biex int tkun tista' taċċessah bl-aħjar mod possibbli. L-informazzjoni dwar il-cookies tinħażen mill-browser, u sservi biex nagħrfuk kull meta żżur is-sit u tgħinna nagħrfu liema partijiet tas-sit issib l-iktar utli u interessanti.

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.